Tħabbret il-mewt tal-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder fl-għomor ta’ ħamsa u erbgħin sena.
Waqt li fl-aħħar jiem ikkonferma l-ħsieb li jikkandida ruħu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fil-passat hu serva bħala Sindku ta’ San Ġiljan, waqt li bejn l-2010 u l-2013 u l-2016 u l-2022 kien Membru Parlamentari.
Fl-aħħar snin, hu kien Kap Uffiċjal tal-Operazzjonijiet tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Kienu bosta li sellmu l-memorja ta’ Gouder, fosthom il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela, li ddeskrivih bħala persuna li dejjem kellu sens ta’ impenn lejn il-komunità u ċ-ċittadini.
Dr Abela qal li lil Karl kien ilu jafu sa minn meta kienu tfal fuq il-bank tal-iskola, biex aktar ’I quddiem saru kollegi fil-Parlament. Tenna li, minkejja li kienu fuq il-bankijiet opposti, il-ħbiberija tat-tfulija baqgħet dejjem hemm.
Anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Gouder, li ddeskrivih bħala persuna ddedikata.
Il-Partit Laburista, fi stqarrija, sellem il-memorja ta’ Gouder u bagħat il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
L-istazzjon ONE u l-kamra tal-aħbarjiet ta’ ONE News jibgħatu l-kondoljanzi sinċiera lill-familja u l-ħbieb tiegħu.