Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddefenda fil-pubbliku l-każ ta’ nepotiżmu ta’ Roberta Metsola, fejn ħatret lir-raġel t’oħtha b’salarju ta’ għoxrin elf ewro fix-xahar.
F’intervista li Bernard Grech għamel mas-sit Lovin’ Malta, hu faħħar lil Matthew Tabone, li hu miżżewweġ lil oħt il-President tal-Parlament Ewropew, u ddefenda lil Metsola, anke jekk bħalissa tinsab taħt il-lenti internazzjonali f’kontroversja oħra, wara li l-ġurnal awtorevoli Politico żvela kif regoli li ġew imposti minnha dwar etika kienu japplikaw għal kulħadd fil-Parlament Ewropew, iżda mhux għaliha personali.
Fil-fatt Politico żvela kif ir-raġel ta’ Metsola hu lobbyist b’saħħtu f’isem kumpanija kbira tal-cruiseliners, ir-Royal Carribean Group, u Metsola lanqas iddikjarat tali konflitt ta’ interess, fl-istess żmien li żewġha kien qed jitlob għal liġijiet iżjed laxki dwar obbligi ambjentali u b’hekk ma jkunx hemm iżjed spejjeż imposti fuq il-kumpanija, li hu jinsab fit-tmexxija tagħha.
Iżda quddiem dan il-fatt u l-ħatra kontroversjali tar-raġel t’oħtha, Grech kien kostrett jiddefendi lil Metsola.
Qal, “Matt Tabone huwa persuna li għandu kwalitajiet tajbin ħafna.”
Roberta Metsola ħatret lir-raġel t’oħtha wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda, anke jekk kienet diġà pprovat taħtru sentejn ilu, imma kienet irtirat dik id-deċiżjoni minħabba li kien laħaq kixifha ġurnal Taljan qabel poġġiet għall-ġudizzju tal-elettorat.
Bernard Grech iddefendiha, iżda poġġa l-piż tad-deċiżjoni fuqha.
Qal, “Dik hija ovvjament deċiżjoni ta’ Roberta. Jiena nifhem li ħadet il-kunsiderazzjonijiet kollha tagħha meta ħadet dik id-deċiżjoni.”
Grech, imbagħad, qal li d-deċiżjoni ta’ Metsola tista’ tinterpretaha bħala nepotiżmu, imma għalih nepotiżmu biss kemm-il darba xi ħadd mill-kamp Laburista jingħata mpjieg, anke jekk fuq bażi professjonali.
Ġurnalist:“Jiġifieri fuq il-każ ta’ Matthew Tabone ma taħsibx li huwa nepotiżmu mela?”
Grech: “Meta inti timpjega lil xi ħadd jiġi minnek, tista’ tagħtih dak it-titlu.”
Il-Partit Nazzjonalista għamel kampanja, anke kontra nisa u partners ta’ politiċi li ħadmu fuq bażi professjonali, imma ġejjin mill-kamp Laburista.
Kampanja li spiċċat għand il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li wkoll spiċċa jxejjen kull attakk bla bażi fuq nies li sar magħruf li nħatru abbażi tal-kompetenza professjonali tagħhom.
Sadanittant, evidentement skomdu dwar it-theddida ta’ Metsola li tista’ teħodlu postu, Bernard Grech ma ried iwieġeb xejn iżjed dwarha.
Qal, “Dawn il-ħafna domandi suppożitorji jekk u forsi u kif u meta, taf kemm tista’ tagħmel domandi hekk?”