Stħarriġ, li għamlet it-Times of Malta, sab li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma kienx fattwali fi kliemu meta, f’intervista riċenti mal-Lovin’ Malta, iddikjara li, fl-eventwalità li jinqata’ d-dawl, persuna, li tkun qed tuża magna minħabba li tbati mill-kundizzjoni tas-Sleep Apnea, jista’ jkollha ħajjitha f’periklu imminenti.
Id-dikjarazzjoni tiegħu, li skont l-esperti li tkellmu mat-Times, ma treġix, saret waqt li, fl-istess intervista, inqata’ d-dawl fl-istudio.
Qal, “We can laugh it off, imma li kieku tkun id-dar inti rieqed u għandek magna ta’ Sleep Apnea, li minnha jiddependi li tieħu n-nifs u jekk inti ma taħdimlekx, tista’ tmut”.
Iżda esperti dwar il-kundizzjoni fejn persuna tieqaf tieħu n-nifs waqt l-irqad għal perjodi qosra, tkellmu mat-Times u qalu li din rari tkun problema fost nies li jbatu mis-CPAP.
Komplew jgħidu li saħansitra għadd ta’ persuni ma jużawx il-magna minħabba li tista’ tkun skomda waqt l-irqad jew inkella jorqdu biha u jneħħuha matul il-lejl.
Mal-fact-checker tat-Times huma spjegaw li l-magni tal-lum huma tant moderni li xorta jistgħu jservu ta’ użu f’każ li ma jkunx hemm dawl għal perjodi mhux twal ħafna.
Saħansitra klinika rinomata li tikkura tali kundizzjoni, il-Mayo Clinic, ukoll iddeskriviet is-sitwazzjoni li pprova jwerwer biha Bernard Grech bħala falza.
Meta l-esperti ġew mistoqsijin dwar każi l-aktar severi tal-kundizzjoni, huma spjegaw f’dawk il-każi l-magni jkunu mgħammrin b’teknoloġija avvanzata li tippermetti l-użu tagħhom, anke bla elettriku.
L-artiklu tat-Times of Malta spiċċa billi jgħid li dak li stqarr il-Kap tal-Oppożizzjoni kienet idea totalment falza mill-provi u l-fehmiet tal-esperti.
Grech kien diġà għamel dikjarazzjonijiet simili f’Lulju li għadda fejn għal darb’oħra fuq il-midja tal-Partit tiegħu.