Il-kandidata għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista Norma Saliba għamlet żjara fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fejn ġiet milqugħa mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Leonid McKay, kif ukoll mill-President attwali Laburista Ramona Attard, fejn magħhom tkellmet dwar l-operat tal-istess kwartieri u l-ħtieġa li l-Partit jorganizza ruħu biex ikun ippreparat għall-isfidi elettorali li ġejjin.
Saliba tenniet li l-Partit Laburista għandu jsaħħaħ il-mezzi tax-xandir u l-istrutturi tiegħu qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Aktar minn hekk, hi saħqet kemm hu importanti r-rwol li jwettqu l-għexieren ta’ voluntieri fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u fl-attivitajiet tal-Partit, waqt li sostniet kemm xogħlhom għandu jiġi aktar apprezzat.
Flimkien ma’ Attard u McKay, Saliba tkellmet dwar l-importanza li jissaħħu l-kumitati lokali u distrettwali, u l-bżonn li r-rwol tal-kumitati jiġi aġġornat għaż-żminijiet tal-lum.
Sadanittant, dwar il-fergħat tal-Partit, ġiet diskussa l-ħtieġa li l-ħidma tagħhom tkun aktar ikkordinata, filwaqt li għandhom jingħataw rwoli aktar ċentrali fit-tfassil tal-politika tal-Partit.
Qalet, “Magħhom iddiskutejt l-operat taċ-Ċentru f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma tal-Partit Laburista. Fil-fatt magħhom iddiskutejt ukoll xi tibdiliet li nixtieq nara, għax waħda mill-prijoritajiet, jekk ningħata fiduċja mid-delegati u ninħatar President tal-Partit Laburista, hi li nsaħħu l-istrutturi interni tal-Partit Laburista f’dak li għandu x’jaqsam ma’ customer care, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ organizzazzjoni ta’ attivitajiet, u anke l-midja tal-Partit Laburista. Minbarra hekk, hemm xogħol xi jsir mal-kumitati lokali u distrettwali, u affarijiet oħrajn li, jekk jiena niġi eletta, nixtieq li niffoka fuqhom ħalli l-Partit Laburista jkun imħejji kif suppost għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.”
Matul it-taħditiet li kellha, Saliba rreferiet ukoll għall-preparamenti li għaddejjin bħalissa hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa se tkun qed titlaqqa’ l-Konferenza Ġenerali, li, matulha, id-delegati tal-Partit se jkunu qed jivvotaw biex jeleġġu l-membri l-ġodda fl-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.