Is-Sibt filgħaxija, saret it-tielet edizzjoni tal-Gozo Pride f’Għawdex. Waqt li fir-Rabat kien hemm numru ta’ persuni li ċċelebraw l-imħabba u kif kulħadd fis-soċjetà għandu jkun meqjus indaqs, irrelevanti mill-orjentazzjoni sesswali tiegħu, inħass nuqqas wieħed partikolari.
Dan għax f’isem il-Gvern attendew il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, l-attività naqset is-sehem tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, bid-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin, Alex Borg u Chris Said, ma jidhrux b’nemes.
Dan ifakkar ukoll f’dak li seħħ is-sena l-oħra, meta l-President tal-Parlament Ewropew u l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola wkoll spiċċat ikkritikata wara li baqgħet ma tfaċċatx għall-avveniment internazzjonali u Ewropew, il-Europride, li kien organizzat bl-akbar mod f’pajjiżna.
Dakinhar din il-mossa kienet ġiet meqjusa li Metsola ma riditx tidher kerha mal-fazzjoni kbira Konservattiva tal-Partit Nazzjonalista.
Dan filwaqt li, ftit tal-jiem wara, hi xorta sabet iċ-ċans biex tindirizza mass meeting tal-Partit Nazzjonalista, għall-festi tal-indipendenza.