Ukren ta’ 45 sena u li jgħix f’appartament f’San Pawl il-Baħar baqa’ miżmum taħt arrest wara li ġie mixli fil-Qorti b’kompliċità fis-serq minn fuq numru ta’ anzjani.
Huwa kien mixli b’involviment ta’ serqiet minn numru ta’ anzjani f’lokalitajiet differenti fosthom il-Mosta, Tas-Sliema u n-Naxxar.
Is-serqiet seħħew bejn it-28 Awwissu u l-4 ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-vittmi qalu mal-Pulizija li kienu avviċinati minn raġel li talabhom il-flus imbagħad seraqhom. Minn kameras tas-sigurtà li ġew evalwati, ġie identifikat l-imputat nieżel minn vettura.
Imbagħad nhar il-Ħamis inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu u ġie arrestat f’daru stess.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u permezz tal-avukat tiegħu talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan fost oħrajn minħabba li tibża’ li jista’ jaħrab minn Malta.
Il-Maġistrat Joseph Gatt ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.