Għaxra fil-mija tad-delegati s-Sibt filgħodu tefgħu l-vot tagħhom waqt l-votazzjoni bikrija għall-ħatra tal-karigi tal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Dan hekk kif dawk li ma setgħux jivvotaw proprju fil-jum tal-votazzjoni fit-13 u fl-14 ta’ Settembru, tefgħu l-vot tagħhom proprju fil-jum tas-Sibt.
Tkellimna ma’ Brian Scicluna, Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista fejn spjega proprju l-proċess x’kien jinvolvi.
“Il-proċess beda ftit qabel id-disgħa ta’ filgħodu, fejn flimkien mal-kontestanti u l-membri tal-Kummissjoni ssiġġillajna l-kaxxi li fihom se jkunu qegħdin jintefgħu l-voti. Mad-daqq tad-disgħa, ovvjament bdiet il-votazzjoni. Kien hawn konkorrenza ta’ ftit aktar minn 10% tad-delegati, jiġifieri bejn wieħed u ieħor irreġistraw u vvotaw ftit aktar minn 10% tad-delegati. Il-proċess intemm ma’ nofsinhar, kif kien deskritt ukoll mill-Eżekuttiv Nazzjonali, imbagħad imxejna sabiex erġajna ssiġġilajna l-kaxxi, għamilna r-rikonċiljazzjoni tal-voti li jagħmlu.”
Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-PL, Brian Scicluna
Hu spjega l-pass li jmiss. Dak li nimxu għall-Konferenza Ġenerali fejn il-proċess tal-votazzjoni jitkompla wara l-plenarja tal-Ġimgħa.
“Issa nimxu għall-Konferenza Ġenerali fejn il-proċess tal-votazzjoni jitkompla wara l-plenarja tal-Ġimgħa fejn prattikament kif jispiċċaw id-diskorsi għall-ħabta tat-8:00 ta’ filgħaxija u tibqa miftuħa għal tliet sigħat, dik Malta. F’Għawdex l-istess, fis-Sannat, tiftaħ il-votazzjoni fit-tmienja sal-11:00. Is-Sibt filgħodu tkompli l-votazzjoni. Kif jingħalaq dak il-proċess jibda r-rikonċiljanzjoni tal-għadd biex sa tard waranofsinhar is-Sibt ikunu ħarġu r-riżultati kollha.”
Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-PL, Brian Scicluna
Hu appella biex hekk kif l-andament tal-votazzjoni hu wieħed li jidher sabiħ, dawk li huma eliġibbli li jivvotaw – jagħmlu proprju dmirhom.
“L-appell tiegħi hu, li bħalissa hemm konkorrenza sabiħa, bl-appell ikun biex dan jitkompla u d-delegati joħorġu jivvutaw.”
Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-PL, Brian Scicluna