Ġiet inawgurata l-Klinika tas-Saħħa Professur Albert Fenech fil-Binja Silvio Parnis, fis-Siġġiewi.
Din ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela.
Din il-klinika ssemmiet għall-mibki, il-Professur Albert Fenech, li twieled is-Siġġiewi u li għal bosta snin kien ta’ servizz mill-aqwa għal tant pazjenti.
Il-Ministru Galdes innota li dan il-proġett mhux biss qiegħed ikun ta’ sostenn għall-familji residenti f’din il-binja, iżda wkoll għar-residenti tas-Siġġiewi, li llum jistgħu jirċievu servizz kliniku tas-saħħa fi klinika ġdida ta’ kwalità għolja.
“Diversi Siġġiwin ħa jkunu qed jibbenefikaw biss mhux mill-qasam tad-djar, imma minn klinika tal-komunità. Infatti, illum kont qed nitkellem ukoll mal-istaff, fejn jaraw madwar 60 pazjent tal-Bloodletting, li jfisser ukoll ħafna inqas skariġġ biex imorru f’postijiet oħrajn u allura hawnhekk f’din il-berġa qed nagħtu servizz anki lill-komunità tas-Siġġiewi.”
Il-Ministru Roderick Galdes
Il-Ministru Abela spjega li n-numru ta’ kliniki fil-komunità issa tela’ għal 30. Irrimarka, li mill-bidu tas-sena s’issa, iċ-ċentri tas-saħħa f’pajjiżna raw madwar 600,000 persuna u l-kliniki fil-komunità raw madwar 70,000 persuna.
Qal ukoll li din il-klinika se tkun qed taqdi madwar 10,000 persuna li jgħixu fis-Siġġiewi, kif ukoll persuni li jgħixu fil-madwar.
“Community clinic oħra ġewwa s-Siġġiewi, li ħa tkun qed toffri servizzi ta’ klinika tat-tabib, klinika tal-infermier, kif ukoll servizz ta’ speech therapy għall-kbar u żgħar. Ħa tkun qed toffri servizz ta’ podeatrija, kif ukoll fiżjoterapija. Dawn huma servizzi aħna nixtiequ nagħtu fil-komunità għaliex nafu li jħallu ħafna frott.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela