Hemm bżonn li l-Partit Laburista jibqa’ bil-bibien tiegħu miftuħin għal kulħadd, għax il-Partit Laburista hu d-dar naturali tal-Għawdxin u l-Maltin kollha.
Dan intqal mill-kandidat għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, Dr Alex Sciberras, waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Hawn, Sciberras iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Laburista, Leonid McKay, fejn qasam l-ideat u l-ħsibijiet tiegħu dwar kif għandu jiġġedded u jissaħħaħ il-Partit.
Sciberras sostna li l-Partit Laburista jrid jibqa’ viċin in-nies, filwaqt li indirizza l-bżonn li jissaħħu l-istrutturi tiegħu, partikolarment fil-qasam tal-customer care, biex in-nies ikunu aktar komdi jersqu lejn iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, konvinti li l-ilmenti tagħhom se jinstemgħu u li l-bżonnijiet tagħhom se jiġu indirizzati.
Sciberras tenna jgħid li l-Partit m’għandux jingħalaq fih innifsu u waħda mill-prijoritajiet tiegħu, jekk ikun elett, se tkun li jġib lura n-nies li, għal xi raġuni jew oħra, tbegħdu, waqt li jkompli jressaq nies ġodda lejh.
Madankollu, hu sostna li dan m’għandux jsir a skapitu ta’ dawk li, xemx jew xita, dejjem kienu hemm għall-Partit, għax dawn huma l-pilastri li jżommu lill-Partit Laburista ħaj.
“Hemm bżonn li bħala Partit nibqgħu Partit miftuħ, Partit li jattira lejh nies ġodda, u li iva, niġru wara dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra setgħu tbiegħdu minna. Dan ovvjament mingħajr qatt ma ninsew lil dawk li dejjem kienu hemm għalina, xemx u xita, fl-aħħar mill-aħħar dawn huma l-pilastri tal-Partit.”
Alex Sciberras – kandidat għal President tal-Partit Laburista
Matul iż-żjara li għamel, Dr Sciberras iltaqa’ wkoll mal-impjegati taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u rringrazzjahom tal-ħidma tagħhom li jagħtu b’tant dedikazzjoni. Saħaq li, kemm-il darba jingħata l-fiduċja mid-delegati, se jkun ta’ spalla għalihom biex jara li l-ħidma imprezzabbli tagħhom tkun aktar effettiva b’risq il-Partit Laburista.