Waqt żjara li għamlet fil-Kumpless ONE, il-kandidata għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, Norma Saliba, iltaqgħet mat-tmexxija tal-istazzjon fejn ġew diskussi l-proġetti, li qed jaħdmu fuqhom, hekk kif fil-jiem li ġejjin titnieda l-iskeda tal-ħarifa.
Hi tkellmet dwar l-għadd ta’ sfidi li llum qed tiffaċċja l-industrija tal-midja u kif ONE qed jindirizza dawn l-isfidi, waqt li jiġu esplorati opportunitajiet ġodda.
Fl-istess żjara, Saliba ltaqgħet ukoll mal-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ ONE, Josef Caruana, u l-ġurnalisti preżenti fejn tkellmet mal-ġurnalisti, l-edituri u l-camerapersons tal-kamra tal-aħbarijiet, fejn magħhom qasmet diversi esperjenzi mill-karriera ġurnalistika tagħha u semgħet dwar il-ħidma li qed iwettqu.
Wara l-waqfa fil-kamra tal-aħbarijiet, Saliba żaret ukoll l-istudios tat-televiżjoni fejn fi ftit jiem oħra, se tkun qed tingħata bidu għall-iskeda l-ġdida ta’ ONE. Hawn ukoll ħadet l-opportunità biex tiltaqa’ mal-bosta ħaddiema li kienu għaddejjin bil-ħidma tagħhom.
Saliba żiedet tgħid li, jekk tingħata l-appoġġ u l-fiduċja mid-delegati, se żżomm il-midja tal-Partit Laburista fuq nett tal-aġenda tagħha, hekk kif il-Partit jeħtieġ li jsaħħaħ il-mezzi tax-xandir tiegħu biex il-messaġġ ikompli jasal b’saħħtu għand kulħadd.
“Jekk ningħata l-fiduċja mid-delegati u niġi eletta bħala President tal-Partit Laburista, prijorità ewlenija tkun il-midja tal-Partit Laburista – irridu li jkollna midja aktar b’saħħitha u b’messaġġ ċar għall-udjenzi differenti, kemm dawk li jsegwu ONE TV, ONE Radio, kif ukoll il-gazzetta KullĦadd, one.com.mt, The Journal … u rridu naraw ukoll li nilħqu l-ġenerazzjoni żagħżugħa, anke bil-midja soċjali.”
Norma Saliba – kandidata għal President tal-Partit Laburista
Norma Saliba bdiet il-karriera tagħha bħala xandara proprju fl-istazzjonijiet ONE fl-1997, fejn, għal diversi snin, ipproduċiet u ppreżentat bosta programmi.
Maż-żmien, wkoll bdiet taqra l-aħbarijiet sportivi fuq ONE. Din l-esperjenza għenitha biex trawwem fiha l-imħabba kbira li għandha għall-ġurnaliżmu, il-politika u x-xandir.