Fl-uffiċini ta’ Attard & Co fil-Marsa, li jiġbor fi ħdanu għadd ta’ gazzetti antiki Maltin li jmorru lura sal-bidu tas-seklu l-ieħor, tħabbar li, għall-ewwel darba f’35 sena minn kemm ilu mwaqqaf, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, se jieħu f’idejh il-presidenza tal-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċentri tal-Istampa.
Malta ntagħżlet għal dan ir-rwol waqt l-aħħar laqgħa li tal-federazzjoni, li nżammet f’Santiago de Compostela, bil-presidenza tgħaddi, b’mod uffiċjali, miċ-Ċentru Internazzjonali tal-Istampa lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fil-laqgħa ġenerali annwali tal-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċentri tal-Istampa li saret f’Malta.
L-IĠM ħa f’idejh il-presidenza għat-12-il xahar li ġejjin, waqt li, bħalissa, f’Malta hawn rappreżentanti minn 14-il ċentru tal-istampa Ewropej.
Il-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċentri tal-Istampa twaqqfet fl-1989 mill-Press Club de France biex tkattar aktar id-djalogu, l-kollaborazzjoni u l-bdil ta’ esperjenza bejn kmamar tal-aħbarijiet u assoċjazzjonijiet internazzjonali tal-ġurnaliżmu u biex jiddefendi l-libertà tal-midja.
F’kelmtejn għall-okkażjoni, Matthew Xuereb, President tal-IĠM, qal li hu ta’ unur għal pajjiżna li ntagħżel bħala s-sede tal-federazzjoni u t-tmexxija tagħha.
Hu qal li l-Istitut se jkompli jaħdem għall-bidla fil-qasam ġurnalistiku u għal iżjed rispett lejn il-ġurnalisti u din il-professjoni.