“Min jipprova jpinġi lilu nnifsu bħala l-paladin tad-demokrazija jrid jiddetta kif taħdem id-demokrazija u l-istituzzjonijiet. Għall-Partit Nazzjonalista, id-demokrazija tiġi applikata biss meta sservi l-interessi tiegħu. Fil-mument li r-riżultat ma jkunx dak mixtieq, l-esponenti tal-Oppożizzjoni jaraw kif jagħmlu biex joħorġu qatta’ bla ħabel kontra min ikun ħareġ b’dik id-deċiżjoni.”
Qal dan il-Partit Laburista, permezz ta’ stqarrija l-Ġimgħa, li tenna kif dan hu mudell ċar ta’ kif jaħdem il-Partit Nazzjonalista.
Dan b’reazzjoni għall-fatt li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, spiċċa fil-mira ta’ attakki insensati mill-esponent ta’ Bernard Grech, Karol Aquilina, l-istess deputat li spiċċa redikolat u mgħajjar minn sħabu stess għall-mod kif jaġixxi.
Fil-fatt fl-aħħar jiem, Aquilina ġie mżeblaħ minn Jason Azzopardi, għax ipprova jirkeb il-karru tiegħu u sejjaħlu bħala wanker.
Il-Partit Laburista, żied jgħid li Aquilina u Grech infexxew jattakkaw lill-Kummissarju qatta’ bla ħabel, għax dan mhux jaqdi l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista.
Hu qal li kien Aquilina stess li ammetta dan meta fakkar li hu u l-Partit tiegħu kienu kontra l-ħatra tal-Kummissarju Azzopardi, turija ċara li l-Partit Nazzjonalista lanqas il-proċess demokratiku li bih jintagħżel Kummissarju mhu kapaċi jirrispetta.
L-istqarrija żiedet tgħid kif sal-lum il-ġurnata, il-Partit Nazzjonalista għadu m’aċċettax li l-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jiddefendu l-interess pubbliku, mhux biex iservu l-kapriċċi tiegħu.
Bil-kontra tal-attakki insensati u t-teatrini tal-Oppożizzjoni, Partit Laburista fil-Gvern jibqa’ jsaħħaħ, jinvesti u jwettaq riformi bla preċedent fil-qasam tal-ġustizzja, temm jgħid il-Partit Laburista.