Il-Prim Ministru Robert Abela beda bl-ewwel laqgħat tiegħu mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna, bħala parti minn konsultazzjoni wiesgħa kif isir qabel il-preżentazzjoni tal-baġit ta’ Ottubru. Din l-ewwel laqgħa saret mal-Kamra tal-Kummerċ fil-binja tagħhom stess fil-Belt Valletta.
Waqt li tkellem dwar il-baġit u kif dan jirrifletti l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Gvern, il-Prim Ministru rrimarka li jkun żball jekk wieħed jieqaf hemm.
Għalhekk mad-delegazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ ħabbar ukoll kif, bħalissa, għaddejja analiżi dwar l-effettività u l-operat ta’ skemi t’għajnuna li tagħti l-Malta Enterprise. Din ukoll qed tħares lejn x’qiegħed isir f’pajjiżi kompetituri ta’ pajjiżna.
Dr Abela sostna li l-pass li jmiss hu li l-Gvern jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali fl-MCESD biex tanalizza tali peer review.
F’din il-laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru qal li llum il-ġurnata l-prijoritajiet ta’ pajjiżna nbidlu.
Fil-fatt, fejn jidħol l-investiment, saħaq fuq l-għaqal li għandu jiggwida l-ħidma tal-Gvern biex, filwaqt li l-investiment f’pajjiżna ma jonqosx, ma jsirx b’dannu għall-ħtiġijiet tiegħu.
Il-Prim Ministru nnota kif is-sena l-oħra, il-Malta Enterprise approvat mat-43 proġett b’valur ta’ kważi €36 miljun. Madankollu, sa nofs din is-sena, approvat biss 12-il proġett, iżda, bid-differenza, li l-valur tagħhom ilaħħaq l-€144 miljun, jiġifieri erba’ darbiet iżjed.
Fost investimenti ta’ valur miżjud f’pajjiżna b’inqas ħtieġa ta’ ħaddiema, iżda b’impjiegi ta’ kwalità ogħla, hemm il-proġetti tal-ST Micro Electronics, Gimas, Seifert, Keyworld Studios u Eurobindo.
Waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru, il-Kamra tal-Kummerċ ukoll għamlet il-preżentazzjoni tal-proposti tagħha għall-Baġit 2025, li jittrattaw, fost oħrajn, l-infrastruttura, is-settur tax-xogħol, it-turiżmu sostenibbli, l-ippjanar, l-indafa u r-rinnovabbli.
Preżenti flimkien mal-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Ian Borg, Silvio Schembri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Clifton Grima, Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Cressida Galea u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.