Il-Partit Laburista m’għandux jieħu lezzjonjjiet mingħand min hu politikament ipokrita. Qal dan il-kandidat għall-President tal-Partit, Dr Alex Sciberras, fid-dawl tal-aħbarijiet riċenti dwar Roberta Metsola.
Dr Sciberras innota kif Metsola tuża kejl mod fejn tidħol hi u kejl differenti għal ħaddieħor u, filwaqt li dan seta’ kien ta’ sorpriża għal Ewropej oħrajn, żgur li ma kienx għall-Maltin, speċjalment dawk li jħaddnu twemmin politiku Laburista, għax tali ipokrezija jgħixuha ta’ kuljum.
Hu nnota kif li, kieku dak irrapportat kien jikkonċerna membru ta’ xi qarib ta’ xi ministru jew uffiċjal tal-Partit Laburista, kieku l-Partit Nazzjonalista kien jagħmel kruċjata.
Kompla jgħid li dan juri biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma nbidilx u li l-politika tiegħu hi bbażata biss fuq l-opportuniżmu u l-attakki personali.
Dr Sciberras saħaq b’saħħa li, fid-dawl ta’ episodji bħal dawn, joħroġ ċar li, bħala Partit, irridu noħorġu minn qoxortna u nkunu aktar sodi fl-argument li l-ebda Oppożizzjoni ipokrita u populista mhi se tħammrilna wiċċna.
Tenna l-importanza li l-Partit Laburista għandu jwassal messaġġ ċar u determinat u li, biex dan iseħħ, hemm bżonn li l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-Partit Laburista tissaħħaħ.
“Hemm bżonn li, bħala Partit Laburista, insaħħu l-vuċi tagħna, għax nibqgħu aħna l-unika forza progressiva vera f’dan il-pajjiż. Issa li, f’dawn l-aħħar jiem, ġew żvelati stejjer fuq Roberta Metsola, dik li tixtieq li tkun għada pitgħada Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż, li mhux biss impjegat lir-raġel ta’ oħtha fuq paga ta’ €20,000, mhux biss ukoll issa anke r-raġel tagħha qed jirrappreżenta interessi kbar fis-settur marittimu b’influwenza fuq liġijiet Ewropej, huwa ċar li waqgħu l-maskri. Li l-Partit Nazzjonalista m’għandu xejn ħlief politika ta’ ipokrezija, ta’ attakki personali, populista, mingħajr ebda viżjoni għal dan il-pajjiż.”
Alex Sciberras – kandidat għal President tal-Partit Laburista
Dr Sciberras qal ukoll li jemmen bi sħiħ li l-mezzi komunikattivi tal-Partit, inkluż il-ONE u l-midja soċjali tiegħu, għandhom jingħataw ħajja ġdida u, kemm-il darba d-delegati jagħtuh il-fiduċja, se jara li dan iseħħ.