L-Iskola Primarja l-ġdida tal-Imsida fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża, li se tkun qed tilqa’ fiha l-istudenti u l-edukaturi minn dan ix-xahar stess, se tkun l-ewwel faċilità edukattiva pubblika carbon neutral li qatt inbniet f’pajjiżna.
Permezz ta’ proġett, b’investiment ta’ madwar €24 miljun, kofinanzjati mill-programm NextGenerationEU mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, l-iskola tistabbilixxi standards ambjentali ġodda fil-faċilitajiet edukattivi lokali.
B’hekk l-iskola se tilħaq l-ogħla klassifikazzjoni tal-enerġija ta’ A+ li jagħmilha l-ewwel tax-xorta waħda fostna bħala istituzzjoni edukattiva.
Fi żjara fl-iskola ġie spjegat li din għandha mal-40 klassi, ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li tesa’ madwar 300 persuna.
Bħala parti minn dan il-proġett inbena wkoll kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts.
Taħt l-iskola hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli, li kapaċi jilqa’ madwar 180 karozza.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li din l-iskola nbniet b’ambjent addattat għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum u anke taż-żmien li ġej.
“Litteralment flok l-iskola qiegħda tikkonsma l-enerġija, minħabba l-mod kif ġiet mibnija, qed tagħti lura lill-komunità f’dak li hu termini ta’ enerġija. Naħseb li dan hu aspett importanti li wieħed isemmi. Hu l-ewwel każ f’pajjiżna fejn għandek skola li hi kontributur u minn dan kollu żgur igawdi l-pubbliku inġenerali tal-lokalità tal-Imsida.”
Il-Ministru Clifton Grima
Fil-fatt, f’termini ta’ miżuri favur l-ambjent, l-iskola nbniet permezz tal-adozzjoni ta’ diversi azzjonijiet favur l-ambjent, fosthom insulazzjoni tal-ħitan u s-saqaf b’materjal li jżomm frisk fix-xhur sħan u sħun fix-xitwa, flimkien ma’ riċiklaġġ tal-ilma tax-xita, li se jinġabar fi bjar apposta u jintuża għall-irrigazzjoni kif ukoll għall-użu tal-faċilitajiet sanitarji.