Rebecca Cheptegei, atleta li ftit tal-ġimgħat ilu ħadet sehem fl-Olipmpjadi f’Pariġi, tilfet ħajjitha wara li l-eks sieħeb tagħha tefagħlha l-pitrolju u ta n-nar.
L-atleta ta’ 33 sena mill-Kenja sofriet ħruq estensiv wara l-attakk fuqha l-Ħadd li għadda.
L-awtoritajiet fil-Majjistral tal-Kenja qalu li l-vittma kienet fil-mira tal-akkużat hekk kif kienet sejra lura d-dar mill-knisja maż-żewġt itfal tagħha.
Rapport ippreżentat minn amministratur lokali allega li l-atleta u l-eks sieħeb tagħha kienu qed jiġġieldu fuq biċċa art. Il-Pulizija qalet li għaddejja investigazzjoni.
Qed jingħad li Cheptegei hija t-tielet atleta mara li nqatlet minn Ottubru tal-2021. Missier Rebbeca tkellem mal-ġurnalisti tal-lokal barra l-isptar fejn kienet qed tingħata l-kura bintu talab lill-gvern Kenjan biex jiżgura li ssir ġustizzja.
Il-federazzjoni tal-atletika tal-Uganda qalet f’post fuq X kif jinsabu mnikktin li atketa oħra sfat vittma ta’ vjlenza domestika.
Qed jiġi rrapurtat ukoll li l-akkużat iddaħġal l-isptar ukoll b’diversi ħruq ma’ ġismu però l-kundizzjoni tiegħu hija waħda stabbli.
Cheptegei spiċċat fl-44 post fil-maratona li saret f’Pariġi riċentament. Hija kienet rebħet ukoll midalja tad-deheb f’kampjonat dinji fit-Tajlandja fl-2022.