Il-bastiment tal-merkanzija rreġistrat f’Malta, bl-isem ta’ ‘Ruby’, din il-ġimgħa daħal fil-port ta’ Tromsø fin-Norveġja mgħobbi b’madwar għoxrin elf tunellata ta’ materjal perikoluż mir-Russja biex jistkenn mill-maltemp.
Il-vapur, li telaq mill-port ta’ Kandalaksh fir-Russja fit-22 t’Awwissu li għadda, kien mgħobbi bin-nitrat tal-ammonju, li jintuża kemm bħala fertilizzant fir-raba kif ukoll għall-użu fl-isplussivi.
Appena trakka max-xatt Norveġiż, qrib sptar u università, il-vapur, li kien ġarrab xi ħsarat fil-maltempata, ġie spezzjonat. Kien hawn li nstab li qed iġorr din is-sustanza perikoluża, li jekk tkun esposta għan-nar jew sħana kbira toħloq splużjoni enormi.
In-nitrat tal-ammonju kien responsabbli għal numru ta’ aċċidenti fil-passat, inkluż dak traġiku fil-port ta’ Bejrut, fil-Libanu, erba’ snin ilu fejn kienu tilfu ħajjithom madwar 220 persuna.
Ir-Russja hi l-akbar esportatriċi tas-sustanza, tant li tipproduċi maż-żewġ terzi tad-domanda globali fis-sena.