Wara li ftit ġimgħat ilu ġie konkluż il-ġbid tal-blockbuster fis-serje ta’ Jurassic World, illum intemm ukoll l-avventura tiegħu fostna għall-produzzjoni ta’ film barrani ieħor – addattazzjoni tas-serje letterarja ‘The Magic Faraway Tree’ mill-awtriċi popolari, Enid Blyton.
Il-film tal-kumpanija Palisades Park Pictures, li hi bbażata f’Los Angeles, l-Istati Uniti, jara s-sehem tal-atturi Andrew Garfield, Claire Foy, Nicola Coughlan, Jessica Gunning, Jennifer Saunders u Rebecca Ferguson.
Il-film, bħall-istejjer oriġinali, idur madwar familja, li kienet mġiegħela tirriloka f’żona remota tad-dinja fejn tinstab siġra maġika.
Ashland Hill Media, li ffinanzjat il-filming tal-proġett f’pajjiżna, qalet li x-xenarji li wieħed jista’ jipproduċi f’Malta huma uniċi u kellhom rwol kruċjali fil-mod kif se jiġi ppreżentat il-film, li mistenni joħroġ fiċ-ċinema s-sena d-dieħla.