Bejn il-Ġimgħa 6 u l-Ħadd 15 ta’ Settembru se tiġi organizzata l-Malta Pride Week, b’għadd ta’ attivitajiet ċelebrattivi li wkoll se jfakkru l-20 anniversarju tal-ewwel attività li saret għal dan il-għan.
L-Allied Rainbow Communities, l-organizzaturi tal-Pride f’Malta, spjegaw, fi stqarrija, li l-attivitajiet ta’ din is-sena huma aktar minn sempliċiment okkażjoni biex in-nies jingħaqdu u jiċċelebraw id-diversita tagħhom.
It-tema ta’ din is-sena se tkun waħda speċifiku fl-okkażjoni tal-anniversarju fuq żewġ diċenji, iżda b’mod partikolari fl-aħħar ħdax-il sena, fejn seħħew l-akbar avvanzi u nkisbu l-akbar drittijiet f’pajjiżna.
Għal dan il-għan ukoll se jitfakkru dawk kollha li ħadmu biex f’Malta wasalna fl-ogħla livell, anke skont l-indiċi ta’ ILGA-Europe.
Minkejja dan, l-organizzaturi qalu li xorta jibqa’ jkun hemm persuni LGBTIQ + li jiġu bbuljati jew saħansitra mkeċċija minn djarhom.
Il-Malta Pride March se jsir is-Sibt 14 ta’ Settembru u jibda fis-6:00 ta’ filgħaxija minn Pjazza Tritoni segwit b’kunċert miftuħ fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt, bis-sehem ta’ talent lokali u internazzjonali.
Il-Gvern ukoll qed jappoġġja l-avvenimenti, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb fuq is-sit uffiċjali maltapride.com.