Il-Qorti sabet li hemm biżżejjed evidenza biex disa’ persuni, seba’ Maltin u żewġ Rumeni jitpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Dan b’rabta mal-allegat każ ta’ traffikar uman ta’ nisa Kolombjani lejn Malta bi skop ta’ prostituzzjoni.
Din id-deċiżjoni ttieħdet, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tal-akkużati.
Fl-istess seduta kompliet ix-xhieda, hekk kif fuq il-pedana tax-xhieda xehed l-Ispettur John Spiteri, fejn intqal li l-akkużati kienu jirreferu għan-nisa li jiġu f’pajjiżna bħala stock ġdid.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur John Spiteri, spjega kif l-akkużat Gordon Cassar irċieva total ta’ €75,000, f’inqas minn sentejn. Intqal li dawn il-flus kienu jintbagħtu lill-akkużat matul il-lejl.
Seba’ minn disa’ akkużati jinżammu arrestati
Waqt din l-istess seduta, id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.
Bil-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ċaħdet din it-talba fil-konfront ta’ seba’ mid-disa’ akkużati. Dawn huma Dylan McKay, Luke Farrugia, Gordon Cassar, Nicolei Efimov, Kane Vassallo, Clint D’Amato u Denzil Farrugia.
Dan filwaqt li l-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil tnejn mill-akkużati, fuq diversi kundizzjonijiet. Luca Corito jrid jiffirma fl-għassa kuljum, b’depożitu ta’ €8,000 u garanzija personali ta’ €12,000. Alexandra Procora trid tiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa, b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.