Il-Volontary Organisations Projects Scheme, li tassisti finanzjarjament għaqdiet volontarji ħalli jwettqu l-ideat tagħhom u jsarrfuhom fi proġetti għall-ġid tal-komunità, għadha kemm reġgħet tnediet.
Dan sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, waqt żjara fis-sede tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, li bbenefikaw minn investiment ta’ erbgħin elf ewro permezz tal-iskema.
Pernezz tal-finanzjament, is-soċjetà setgħet tagħmel għadd ta’ tibdil u rinnovar fil-binja tagħha.
“Permezz tagħhom mhux biss irrestawrajna l-infrastruttura kbira tal-każin u tat-Teatru Astra, però permezz ta’ dan l-investiment kemm fil-faċilitajiet tat-Teatru Astra u f’din is-sala li qedin fiha, dan l-investiment se jħalli legat li, permezz tiegħu, ħidma tas-soċjetà f’termini tat-teatru u fit-tagħlim tal-mużika u fil-banda għandha futur isbaħ”.
Il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Michael Formosa
Il-Ministru spjegat kif il-proġetti eliġibbli għall-iskema jistgħu jkunu mill-oqsma kollha tal-volontarjat, bħall-ambjent sostenibbli, l-arti, il-mużika, l-isport, l-edukazzjoni, il-kultura, id-drittijiet ċivili u l-qasam taż-żgħażagħ.
Hi ħabbret ukoll li din is-sena, bħas-sena l-oħra, parti mill-fondi se jkunu ddedikati għat-tisħiħ tal-inklużjoni relatat mas-saħħa u d-diżabilità biex jgħinu ħalli jkollna komunità aktar inklussiva.
Għal din is-sena reġa’ ġie allokat l-ammont ta’ tmin mitt elf ewro, li se jkun qed jinqasam bejn l-għaqdiet volontarji li japplikaw b’suċċess għall-inizjattivi differenti, inkluż proġetti fil-komunità, inizjattivi ta’ infrastruttura jew riċerka. Taħt din l-iskema tul dawn l-aħħar tmin snin ġew allokati madwar sebgħa punt tliet miljun ewro.
Fil-kummenti tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li dawn il-proġetti, permezz tal-investiment tal-Gvern, qed jħallu l-frott tagħhom fost is-soċjetà.
“Proġetti li fit-totalità tagħom, f’dawn l-aħħar tmin snin kellna investiemnt ta’ €7.3 miljun. Il-mod li inti tikkwantifika s-saħħa soċjo-ekonomika li qed tħalli din l-iskema u, allura, inħarsu ’l quddiem biex naraw li dan l-fond ta’ €800,000 jkompli joħloq proġetti oħrajn fil-komunità.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
Waqt li kienet fil-gżira Għawdxija, il-Ministru, akkumpanjata mit-tmexxija tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, żaret ukoll diversi għaqdiet volontarji oħrajn li gawdew mill-iskema.
F’Ta’ Kerċem, żaret lill-Għaqda Festa Għajn Tuta, li ħolqot palk komplet b’rampi aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà, u l-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors, li rrestawrat u għamlet numru ta’ xogħlijiet fuq il-faċċata taċ-ċentru parrokkjali.
L-applikazzjonijiet għall-iskema l-ġdida bdew jintlaqgħu mill-Erbgħa u jistgħu jiddaħħlu sa nofsinhar tas-16 ta’ Ottubru permezz tas-sit elettroniku vofunding.org.mt.
L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.