Aktar minn 2,000 raġel żaru appartament fl-Imsida li kien qed jintuża bħala post ta’ burdell bejn Marzu u Ġunju ta’ din is-sena.
Din l-informazzjoni ħarġet fil-Qorti llum hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ seba’ rġiel Maltin u koppja Rumena li fost l-oħrajn qed jiġu akkużati b’reati ta’ traffikar uman.
L-akkużati huma Luke Farrugia ta’ 36 sena minn Birkirkara, Clint D’Amato ta’ 36 sena mill-Gudja, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena, li jgħix il-Marsa, Kane Vassallo ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, Gordon Cassar ta’ 44 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Luca Corrito ta’ 21 mill-Isla, Dylan McKay ta’ 30 mill-Fgura, u ż-żewġ Rumeni Nicolai Efimov ta’ 37 sena u Alexandra Procora, li t-tnejn jgħixu f’San Pawl il-Baħar.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-Ispettur John Spiteri mill-Iskwadra ta’ kontra l-vizzji tela’ fuq il-pedana tax-xhieda u spjega kif aktar minn 200 klijent mar f’burdell ieħor fil-Gżira bejn l-aħħar ta’ Lulju u nofs Awwissu.
L-akkużati qed iwieġbu kollha mhux ħatja.
L-operazzjoni, kienet ġiet wara ġimgħat ta’ osservazzjonijiet u ġbir ta’ informazzjoni u involviet rejds fil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Gżira, San Pawl il-Baħar, is-Siġġiewi, il-Fgura, il-Gudja, Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ u l-Isla. Mit-tfittxijiet, li saru fil-postijiet imsemmijin, ġew elevati wkoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u oġġetti ta’ valur.