L-impatt enormi li Jake Vella ħalla fuq il-poplu Malti u Għawdxi se jkollu marka permanenti ddedikata għalih fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq fejn spiss kien jipprattika l-għawm, waħda mid-dixxiplini sportivi li kienu ħafna għal qalbu.
Iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena miet nhar il-Ġimgħa wara għaxar snin jissielet ma’ marda kiefra u rari.
Kien il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima li kkonferma l-aħbar tal-mafkar, fi tweġiba lil Josie Vella, missier Jake, fuq storja ta’ ONE News li ħabbret li ttieħdet id-deċiżjoni li ż-żagħżugħ jiġi kkremat wara l-funeral tiegħu.
F’kumment, li tefa’ fuq il-post tal-Ministru Grima bl-intervista esklussiva li ONE News kellu mal-ġenituri ta’ Jake t-Tnejn, missier iż-żagħżugħ irringrazzjah għall-appoġġ kontinwu li kien ta lil binhom, waqt li talbu pjaċir żgħira biex Jake jibqa’ mfakkar fil-Pixxina Nazzjonali, li kien iqisha bħala t-tieni dar tiegħu.
Il-Ministru, li rrefera għaż-żagħżugħ bħala uniku, kien pront wieġbu li dik hi l-inqas ħaġa li jista’ jsir mill-Gvern, anke għax Jake ħaqqu tassew jiġi rikonoxxut u, kif kien matul ħajtu, jibqa’ jkun għajn ta’ ispirazzjoni għall-bqija tal-poplu.
Fil-fatt il-Ministru wegħdu li se jkun qed jitpoġġa mafkar fil-Pixxina Nazzjonali għal dan il-għan.
Jake Vella se jibqa’ mfakkar għal ħafna atti altruwisti tiegħu, fosthom l-attività ‘Rigal b’Imħabba b’Differenza’, organizzata minn mart il-Prim Ministru bil-għan li jinġabru donazzjonijiet għall-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati, l-AAA, waqt li organizza għadd ta’ attivitajiet sportivi, bħal għawmiet u mixjiet, anke jekk il-marda li ħakmitu sa mill-età ta’ ħames snin kienet iċċaħħdu fil-mobilità tiegħu.
Waqt l-intervista esklussiva li ONE News kellu ma’ Josie u Marouska Vella, huma esprimew l-istagħġib tagħhom kemm kien hawn persuni li ħabbew lil binhom, anke jekk kienu jafu li kien hawn ħafna li jafu bih.
Qalet, “Kulħadd iħobbu, imma bdew jibgħatulna minn kullimkien. Bdew jibgħatulna anke minn barra minn Malta, minn kullimkien. Bdejna ngħidu dan kif inhu maħbub daqshekk. Tifel li tħobbu ta, għax kien sinċier, innoċenti, edukat, valuri għoljin tista’ tgħid”.
Wara l-aħbar minn ONE News dwar kif qed tiġi ppjanata ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Jake fil-funeral tiegħu s-Sibt li ġej fl-10:30 ta’ filgħodu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa, u sussegwentement se jiġi kkremat fi Sqallija, komplew jitwasslu iżjed messaġġi ta’ mħabba lejn it-tfajjel, li se jibqa’ ta’ ispirazzjoni bid-determinazzjoni u r-reżiljenza kollha tiegħu.
Sadanittant, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bikes ħabbret fuq il-midja soċjali tagħha li, fl-okkażjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Jake, li wkoll kellu għal qalbu ċ-ċikliżmu, se jkunu qed jakkumpanjaw il-korteo tal-funeral tiegħu mill-Isptar Mater Dei fl-Imsida sal-Knisja ta’ Birżebbuġa.
Waqt li appellat lill-membri biex is-Sibt fit-8:30 ta’ filgħodu jiltaqgħu ħdejn l-Università ta’ Malta, ħeġġithom jilbsu l-gerijiet rispettivi tal-klabbs tagħhom biex jagħtu l-isbaħ ġieħ liż-żagħżugħ “fl-aħħar ġirja miegħu”.
Il-korteo se jkun qed jgħaddi mill-mini ta’ Santa Venera, mill-Marsa, it-Triq tal-Barrani għal Birżebbuġa.
Tenniet ukoll li ċiklisti oħrajn, li jixtiequ jingħaqdu magħhom, jistgħu jagħmlu dan, inkluż minn ħdejn id-daħla ta’ Birżebbuġa, viċin ir-restorant Alfresco.