Fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, it-Tnejn filgħodu sar l-aċċess b’rabta mal-inkjesta maġisterjali fil-mewt ta’ Stephen Mangion fl-istess post.
Ir-raġel ta’ 55 sena miet fl-Emerġenza bil-lejl ta’ nhar it-Tlieta li għadda, wara li mar hemmhekk jilmenta minn uġigħ f’sidru.
Kif diġà żvelat minn ONE News, irriżulta minn kameras tas-CCTV fl-Isptar stess li Mangion, li kien ibati minn problemi ta’ saħħa, ġie invistat wara ftit minuti li wasal fl-Emerġenza, kif inhi l-prassi f’każi simili.
L-awtopsja wkoll ikkonkludiet li hu miet minħabba dik li tissejjaħ cardiac tamponade u aortic dissection, u mhux b’attakk tal-qalb, kif kien maħsub.
Fid-Dipartiment tal-Emerġenza, it-Tnejn filgħodu, il-Maġistrat Joe Mifsud, li qed imexxi l-inkjesta, kien fuq il-post għal madwar siegħa. Hu kien akkumpanjat mill-esperti mqabbdin biex jassistuh.
Minbarra dan, il-Ħamis tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, li ħatar inkjesta indipendenti dwar il-każ, li qed titmexxa minn imħallef irtirat u għandha titlesta fi żmien tliet ġimgħat.
Mill-informazzjoni li ħarġet s’issa, jirriżulta li Mangion, li kien ilu minn filgħodu jilmenta li kien qed ibati minn uġigħ f’sidru, irrikorra l-ewwel fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana akkumpanjat minn persuna.
Erbgħin minuta wara hu u l-persuna l-oħra rħewlha lejn Mater Dei fejn waslu ftit qabel it-tmienja ta’ filgħaxija u sbatax-il minuta wara saritlu l-ewwel vista.
Filmati mill-kameras tas-sigurtà fiż-żewġ postijiet ukoll ġew analizzati għall-fini tal-inkjesti.