Bil-fatti, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għandu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin.
Iddikjara dan il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà waqt intervista li kellu mal-gazzetta The Sunday Times of Malta, fejn ġie mistoqsi dwar numru ta’ suġġetti relatati mal-ħidma tal-korp.
Il-Kummissarju tenna li l-istatistiċi riċenti fosthom tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Ewrobarometru jikkonfermaw din il-fiduċja. Fil-fatt huwa nnota kif illum il-ġurnata 90% tal-Maltin jafdaw fil-korp.
Angelo Gafà saħaq kif il-korp Malti huwa magħmul minn 2,400 uffiċjal, bil-maġġoranza tagħhom jagħmlu minn kollox sabiex iwettqu xogħlhom bi professjonalità sħiħa.
Huwa nnota kif fl-aħħar snin żdidu r-rapporti b’rabta mal-vjolenza domestika u dan kollu jindika kemm is-servizzi tal-korp b’rabta ma’ dan huma fdati. Is-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ 13% ta’ dawn ir-rapporti fuq is-sena ta’ qabel, b’75% minnhom kienu b’rabta ma’ vjolenza psikoloġika.
Illum hemm 60 uffiċjal tal-Pulizija jaħdmu apposta għal fuq dawn il-każijiet.
F’din l-intervista l-Kummissarju tal-Pulizija saħaq kif sa tmiem din is-sena r-rekluti li jixtiequ jingħaqdu mal-korp se jkunu qed jaraw mudell ġdid ta’ taħriġ, li se jinkludi anke esperjenza fuq il-post tax-xogħol.
Ikkumparat ma’ 20 sena ilu, illum hemm 500 uffiċjal aktar.
Mistoqsi dwar każijiet riċenti fosthom dak li jinvolvi Identità u tas-Sigurtà Soċjali, il-Kummissarju Gafa qal li b’kuntrast għal li qed jgħidu xi nies, kien il-korp tal-Pulizija li beda u għadu jinvestiga dan, flimkien ma’ awtoritajiet oħra konċernati.
Fil-fatt, b’rabta ma’ Identità, fl-aħħar ġimgħat tressqu żewġ persuni l-Qorti li l-istqarrija tagħhom lill-Pulizija wasslet biex jiġu mitkellma aktar nies.
Il-Kummissarju ċaħad li huwa qatt irċieva xi ordni jew indħil mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li huma t-tnejn rari jew qatt ma jikkomunikaw bejniethom.
Fl-aħħar tal-intervista Angelo Gafà irringrazzja lill-korp kollu għad-dedikazzjoni tagħhom sabiex iżommu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin siguri u li jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-ħajjiet.
Ħidma li xi kultant rari napprezzaw jew nisimgħu biha.