“Għedtilhom li jiena d-dar nixtieq nagħtiha lill-persuni b’diżabilità, għax jiena nixtieq naqsam ħajti dejjem mal-ifqar fost il-fqar, u issa aktar, għax issa d-dar tajtielhom, id-dar m’għadiex tiegħi.”
Propju ftit tal-jiem ilu, Dun Anġ Seychell, fundatur tal-Fondazzjoni Dar Nazareth, kien ta dawn il-kummenti sbieħ. Dawn kellhom ikunu minn tal-aħħar intervisti li ta, hekk kif is-Sibt waranofsinhar tħabbret il-mewt tiegħu, fl-età ta’ 91 sena.
Kien propju b’dawn il-kliem li qasam l-ħsibijiet tiegħu mal-pubbliku, minn fuq is-sodda li kien rikoverat fiha. Hawnhekk għadda l-messaġġ tiegħu għall-maratona ġbir ta’ fondi bl-isem ‘Bis-Saħħa ta’ Kulħadd’, li se tiġi organizzata nhar il-Ħadd tmienja ta’ Settembru fuq l-istazzjonijiet kollha, inkluż l-istazzjon ONE.
Il-Prim Ministru Robert Abela, permezz ta’ post fuq il-pjattaforma soċjali Facebook, fakkar il-memorja ta’ Dun Anġ Seychell; u tenna li l-memorja tiegħu se tibqa’ attiva minħabba l-ġid kbir soċjali li wettaq.
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, permezz ta’ post fuq Facebook, wkoll sellmet il-memorja ta’ Dun Anġ, fejn irrikonoxxiet ix-xogħol li Dun Anġ wettaq fis-settur soċjali, b’mod partikolari mal-persuni b’diżabilità.
Minbarra saċerdot, Dun Anġ kien ukoll kittieb, opinjonista u filantropu.
Jibqa’ mfakkar ukoll bħala persunaġġ li għamel differenza fil-ħajja ta’ tant Maltin, direttament ma’ persuni b’diżabiltà u indirettament mal-familjari tagħhom u ma’ tant oħrajn minn kull ambjent tal-ħajja, fejn saħansittra baqa jmexxi hu stess djar fiż-Żejtun li fihom jgħixu dawk l-aktar vulnerabbli. Kellu imħabba bla qies għal dawn il-persuni vulnerabbli.
“Huma l-aktar nies illi huma neqsin. Għalija l-persuni b’diżabilita’ huma l-aktar nies illi huma mċaħħdin, dik hi l-kelma, imċaħħdin. Għax m’għandhom xejn. Meta jkolli l-inqas ħaġa tarahom inkwetati, dak huwa sinjal illi r-rispett huwa reċiproku kemm tagħhom lejja kif ukoll tiegħi lejhom.”