L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi, qed torganizza laqgħat informattivi biex iżżid l-għarfien ta’ dawk involuti fis-settur, dwar it-triq ’il quddiem, wara l-pubblikazzjoni tar-regolamenti l-ġodda b’rabta mal-liċenzjar tagħhom.
Madwar mija u għoxrin bennej attendew għal laqgħa li saret il-Ħamis, filwaqt li aktar minn sebgħin oħra attendew għal dik organizzata f’Għawdex il-Ġimgħa.
Il-Perit Roderick Bonnici, li huwa l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, qal li għalkemm għall-ewwel, kien hemm sentiment ta’ biża’ dwar kif se jkunu qed jinħarġu l-liċenzji, kien hemm qbil dwar il-fatt li l-liċenzjar huwa l-pass li jmiss biex jogħla l-livell tas-settur.
“Nafu li das-settur mhux xi settur faċli u joħloq numru ta’ inkonvenjenti, imma bl-għajnuna ta’ kulħadd, tal-istakeholders kollha, fosthom il-periti, il-kuntratturi, il-bennejja, il-ħaddiema tal-BCA stess, u awtoritajiet oħrajn, qed naħdmu id f’id biex kemm jista’ jkun, il-problemi ta’ kull persuna, kull ċittadin hemm barra li qiegħed fil-kumdità ta’ daru, jibqa’ għaddej bil-ħajja normali tiegħu.”
Ġie spjegat kif il-bennejja stess qablu li dawn il-laqgħat qed iservu biex huma stess jagħrfu x’inhuma l-prattiċi li mhumiex aċċettabbli, u għalhekk ikunu qegħdin inaqqsu r-rapporti tal-pubbliku, u sussegwentament, il-ħtieġa li l-awtorità tintervjeni biex twaqqaf xogħlijiet jew saħansitra toħroġ is-sanzjonijiet rispettivi.