B’investiment ta’ seba’ miljun u nofs ewro, b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej, sar xogħol ta’ titjib sostanzjali fl-impjant ta’ Sant’Antnin li jintuża għat-trattament tad-drenaġġ u jinsab fin-Nofsinhar ta’ Malta.
B’dan issa jista’ jitratta sitt metru kubu iktar ta’ drenaġġ fis-siegħa, waqt li qed juża inqas enerġija permezz ta’ teknoloġija innovattiva.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, waqt żjara fuq il-post.
Dan il-proġett kien jinvolvi wkoll l-installazzjoni ta’ pajpijiet ġodda – permezz ta’ microtunnel minn Barkat sa Sant’Antnin – li jippermettu t-trasferiment aktar effiċjenti tad-drenaġġ lejn l-impjant, u r-ritorn ta’ ilma trattat.
L-impjant f’Wied il-Għajn issa qed jintuża wkoll għall-pretrattament tal-iskart tal-bhejjem u dan qed jgħin biex titnaqqas it-tagħbija fuq il-faċilitajiet urbani tad-drenaġġ, kif ukoll jagħti spinta lill-produzzjoni ta’ New Water għat-tisqija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia enfasizza li dan it-titjib jimmarka kisba importanti fil-missjoni biex il-Korporazzjoni ttejjeb s-servizzi tagħha.
“Qed niżġuraw li nkunu aktar effiċjenti u nittrattaw id-drenaġġ bl-aktar mod effiċjenti possibli. Investiment li jifforma parti min-numru ta’ investimenti, marbutin man-National Investment Plan tal-Korporazzjoni, li jinvolvu proġetti ta’ madwar €310 miljun għall-għaxar snin li ġejjin.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan it-titjib huwa pass kruċjali fl-impenn ta’ pajjiżna għall-iżvilupp sostenibbli.
“Fil-fatt, l-investiment tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddej u għaddej b’ritmu tajjeb ħafna, għaliex qegħdin inkomplu naħdmu biex inkomplu nsaħħu l-infrastruttura sew tal-ilma u anki tad-drenaġġ f’pajjiżna. L-investiment li qegħdin nitkellmu dwaru llum ifisser li qegħdin nippreparaw biex nilqgħu għal domanda ikbar u b’mod partikolari fil-futur, sew fejn jidħol id-drenaġġ u anki permezz taż-żieda fil-kapaċità ta’ New Water, li naf kemm huwa mfittex mill-bdiewa.”