Fuq żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici ħabbar li l-proġett ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl f’Ħaż-Żebbuġ qed jasal fi tmiemu.
Dan il-proġett beda f’Settembru tas-sena l-oħra wara proposta mresqa mill-kunsill tal-istess lokalità.
Din il-kappella hi waħda mill-eqdem kappelli f’Ħaż-Żebbuġ. Qabel inbniet din il-kappella, fuq il-post kienet teżisti kappella oħra.
Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-kappella ħelset minn ħsarat kbar meta bomba waqgħet fil-viċin iżda ma splodietx. Meta l-bomba ġiet sploduta fil-post, il-kappella ġarrbet ħsara konsiderevoli fil-kampnar.
Il-ħsara kienet ġiet irranġata sabiex il-kappella setgħet tkompli tintuża.
Il-Perit tal-proġett spjegat ix-xogħol li qed isir fuq din il-kappella.
“Wasalna lejn l-aħħar tax-xogħlijiet issa, għandna ż-żewġ faċċatti tal-ġnub huma lesti. Il-faċċatta prinċipali fadallilha ftit irqaqat u issa bdejna narmaw il-kampnar biex inkunu nistgħu nibdew ix-xogħlijiet fuqu wkoll.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonnici saħaq fuq l-importanza ta’ dawn il-proġetti biex tkompli tiġi ppreservata l-identità storika u kulturali tagħna.
“Bis-saħħa ta’ dan ir-restawr li qed nagħtu valur ukoll il-komunità nnifisha, li għandha fi ħdanha, proġetti patrimonjali li huma ta’ interess lill-familji Żebbuġin u wkoll il-familji inġenerali. Aħna kommessi li nkomplu nagħmlu aktar xogħol biex ir-restawr f’pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem.”
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Steve Zammit Lupi u diversi membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ.