Emendi ġodda fil-Liġi tal-Kera se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Settembru li ġej, li se jfissru li mhux se jkun iżjed permess li jkun hemm iżjed minn żewġ persuni għal kull kamra tas-sodda fl-istess residenza.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa spjega kif se jiżdiedu wkoll il-pieni għal kull min jikri proprjetà lil aktar minn dan l-ammont u l-multa tista’ titla’ sa €10,000.
“Illum bi pjaċir nħabbru li l-emendi li ilna naħdmu numru ta’ snin matul dawn l-aħħar snin, issa se jidħlu fis-seħħ propju mill-Ħadd li ġej, fejn kull min ħa jibda jirreġistra, issa se jkun qiegħed jirreġistra b’dan it-tibdil. Dan it-tibdil ma ġiex b’kumbinazzjoni imma nirringrazzjaw lil numru ta’ stakeholders li ħdimna magħhom u dan it-tibdil ħa jkun qed jirrifletti t-tibliliet li juru kemm l-Awtorita’ tad-Djar tkun aktar sensittiva għar-realtajiet u t-tibdiliet fil-komunitajiet tagħna.”
L-emendi fl-Att għal Kiri Residenzjali Privati se jaraw li jiġi limitat l-għadd ta’ residenti permessi, ibbażat fuq in-numru ta’ kmamar tas-sodda u ta’ kmamar tal-banju. Bħalissa, madwar 64,000 kirja hija attiva.
F’każijiet ta’ eċċezzjonijiet fejn hemm djar li għandhom aktar minn 3 kmamar tas-sodda, il-liġi hija ċara wkoll f’dan ir-rigward.
Issa bl-avviż legali l-ġdid, appartamenti mikrijin li fihom sa tlett kmamar tas-sodda jrid ikollom minimu ta’ kamra tal-banju waħda, b’massimu ta’ 6 persuni. Min-naħa l-oħra, meta akkomodazzjoni mikrija jkollha bejn erbat ikmamar u ħamest ikmamar tas-sodda, dawn bilfors irid ikollhom mill-inqas żewġt ikmamar tal-banju biex jospitaw tmien persuni u għaxar persuni rispettivament.
Din il-liġi ma tapplikax fejn tidħol familja, fejn dawk li jiksru l-liġi huma suġġetti għal multi, li jvarjaw minn €2,500 u €10,000, waqt li l-każi jistgħu jispiċċaw ukoll fil-Qorti wara proċess li l-Awtorità stess se tagħmel t’arbitraġġ.
Rigward l-avvanzi kbar li saru mis-sistema, issa se jkun possibli biex jinkiseb repożitorju diġitali, fejn il-proċess tar-reġistrazzjoni se jitħaffef u jipprovdi biżżejjed ħin lill-individwi, biex il-kważi mitejn reġistrazzjoni li jidħlu kuljum, ikunu proċessati b’aktar ħeffa.
Romina Fenech, uffiċjal fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, spjegat li, b’dan l-avviż legali, l-uffiċjali tal-awtorità se jkollhom l-informazzjoni eżatta biex jaraw li l-ammont fil-proprjetà ma jinqabiżx.
“Din l-emenda li qegħdin ngħidu hi li mhemmx għalfejn toqgħod tneħħi r-reġistrazzjoni, u tagħmel kuntratt ġdid mill-bidu. Li qed ngħidu hu li kull ma se jsir hu andendum ma’ dak il-kuntratt li diġà jeżisti, irreġistrat. Importanti li nsemmu li dan irid ikun d-dokument uffiċjali li se toħroġ l-awtorità, u kull ma jridu jagħmlu hu li jtellgħu dan id-dokument bejn iż-żewġ partijiet. B’hekk qed nagħmlu simplifikazzjoni u nnaqqsu l-burokrazzija li rridu jagħmlu kollox mill-ġdid.”
Kirjiet li jkunu bdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi jibqgħu regolati mil-liġijiet kif kienu fis-seħħ fiż-żmien tal-bidu tal-kirja, filwaqt li kirjiet li jibqgħu fis-seħħ sal-wieħed u tletin t’Awwissu tas-sena d-dieħla, irrispettivament mid-data tal-bidu tal-kirja, għandhom ikunu konformi ma’ dawn il-liġijiet.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, semma kif dan kollu qed iseħħ wara konsultazzjoni mas-sidien u l-inkwilini.
“Konna tlaqna madwar erbgħa snin ilu fejn ir-riformi tal-liġi tal-kera ukoll qiegħdin jirrispettaw iż-żminijiet tal-lum, imma illum inħass il-bżonn li anka f’dak li għandu x’jaqsam mal-ammont ta’ kmamar tas-sodda u l-ammont ta’ persuni li jgħixu fi kmamar tas-sodda irid ikun regolat biex ma jkunx hemm abbuż kontra d-dinjita’ tal-bniedem, u allura bħala Gvern mhux biss qed nimplimentaw liġi oħra, imma wkoll minn nhar il-Ħadd li ġej se jibda l-infurzar u anke r-regolamenti marbuta ma’ din il-liġi ġdida.”