L-entità governattiva, Malta Air Traffic Services, il-MATS, li hi responsabbli għat-traffiku tal-ajru kollu f’pajjiżna, rat l-ammont ta’ titjiriet fl-ispazju tal-ajru lokali jiżdied, tant li fit-tlieta u għoxrin ta’ Ġunju rreġistrat rekord ta’ ħames mija, disgħa u tletin titjira.
Dan, fl-istess ħin, li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta esperjenza l-ogħla traffiku tas-sajf li qabeż kull tbassir u kkontribwixxa għaż-żieda fit-turisti fostna, kif ukoll għall-għadd ta’ Maltin li siefru f’dan il-perjodu, kif tixhed l-istatistika uffiċjali.
Waqt żjara fil-MATS mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, ġie żvelat ukoll li l-aktar ġurnata impenjattiva għall-moviment fl-ajruport kienet il-Ħamis, 27 ta’ Lulju, b’mitejn u ħamsa u għoxrin moviment ta’ ajruplani, filwaqt li l-moviment ta’ kuljum għall-perjodu tas-sajf ta’ din is-sena żdied bi tnax fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Il-Ministru kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-MATS, Claude Mallia, u miċ-Chief Operations Officer, Robert Sant, li pprovdew għarfien dwar il-prestazzjoni eċċellenti u l-għanijiet milħuqa mill-entità.
Il-Ministru Bonett faħħar lit-tim fl-entità għad-dedikazzjoni u l-professjonaliżmu tagħhom fid-dawl ta’ dawn it-tibdiliet, waqt li semma kif il-ħaddiema qed jagħtu kontribut kbir għaż-żidiet irreġistrati fit-turiżmu ta’ pajjiżna.
“Hawn persuni ddedikati mmens li x-xogħol tagħhom hu li jżommu l-galbu u li kulħadd jimxi skont in-normi. Ovvjament, dan ix-xogħol irid jiġi rikonoxxut għall-ġid u l-importanza li għandu, mhux biss għas-settur tal-avjazzjoni, iżda anke għas-settur turistiku ta’ pajjiżna.”
Iċ-Chief Operations Officer tal-MATS enfasizza l-kisbiet impressjonanti tal-entità u nnota li, minkeja l-isfidi, il-ħaddiema konsistentement qabżu l-aspettattivi. Dan hekk kif il-ħidma tagħhom ma kinitx tikkonsisti biss f’żieda ta’ ajruplani turistiċi.
“Din hi l-ewwel sena li definittivament rajna żieda qawwija fit-traffic ta’ Ħal Luqa, fl-ammont ta’ ajriuplani f’Ħal Luqa … mhux ta’ turiżmu biss, imma wkoll huma ajruplani tal-merkanzija, għall-manutenzjoni, bħalma jkollna maintenance centers hawn Malta, ajruplani corporate jets, li għandom ir-reġistru tagħhom Malti.”
Il-Malta Air Traffic Services hi l-uniku entità li tipprovdi servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru għall-gżejjer Maltin, filwaqt li hi responsabbli mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru kemm ta’ ajruplani li jinżlu u jitilgħu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kif ukoll ta’ kull ajruplan li jgħaddi mill-Flight Information Region ta’ pajjiżna.