L-Awtorità tal-Artijiet nediet skema ġdida li, permezz tagħha, qegħda taġġorna r-raġunijiet, li għalihom tista’ taċċetta tibdil jew tneħħija ta’ kundizzjonijiet, li jkunu saru meta proprjetà tkun trasferita mingħand il-Gvern, l-Awtorità tal-Artijiet jew entitajiet ekkleżjastiċi.
Waqt li ħabbar dan, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal kif dan l-avviż legali li ġie ppubblikat ftit jiem ilu minflok dak li kien hemm, l-awtorità tat qafas legali lill-pubbliku bi proċedura ċara dwar kif persuna tbiddel xi kundizzjonijiet u xi jkunu l-konsegwenzi finanzjarji biex tagħmel dan.
“Permezz ta’ dan l-avviż legali wieħed jaf eżattament x’inhu l-proċess kif ukoll x’inhu l-impenn finanzjarju biex wieħed ineħħi dik il-kundizzjoni. Dan qegħdin nagħmluh biex ikollna proċessi aktar effiċjenti, bħala awtorità kif ukoll l-pubbliku inġenerali, li jista’ jkun milqut minn xi kundizzjoni minn dawn f’kuntratti ta’ ċens li ngħataw ħafna minnhom snin twal ilu u jkun jaf eżattament xi jrid isir u xi jfisser jekk inti tapplika għal dan il-proċess mal-awtorità.”
Semma kif dan l-avviż legali jinqasam f’żewġ partijiet, b’dawk il-proprjetajiet, li għandhom sit ta’ mhux aktar minn 1,500 metru kwadru, u dawk li s-sit hu aktar minn hekk.
Id-differenza bejn it-tnejn hi l-kalkolu ta’ kif wieħed jasal biex iħallas ladarba l-awtorità taċċetta li l-kundizzjoni tinbidel. Dan kollu jsir b’valutazzjoni minn perit mqabbad apposta, b’parametri li huma ċari u stabbiliti.
Minħabba li hemm ħafna varjazzjonijiet ta’ kuntratti, anke li nbidlu tul is-snin mal-Gvern u l-Knisja, dan l-avviż legali jagħti s-setgħa lill-bord tal-awtorità biex jikkwalifika liema hi l-kategorija, li taħtha għandha taqa’ dik il-kundizzjoni.
Hemm tipi ta’ kuntratti li ġejjin min riżoluzzjoni Parlamentari, minn tenders jew irkant, fejn dan l-avviż legali mhuwiex applikabbli.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn ġie spjegat it-tibdil, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, irrefera għal kif, bl-iskema, l-awtorità se tkun tista’ tipproċessa talbiet għal soluzzjonijiet ta’ problemi antiki marbutin ma’ kundizzjonijiet f’kuntratti ta’ ċnus li kienu inklużi fi żminijiet qodma u li m’għadhomx relevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Semma kif l-iskema nħolqot biex tirrispondi malajr għad-domandi tan-nies, b’mod effiċjenti, b’mezz ħafif kif ikun ikkalkulat il-ħlas u li jkun ġust ma’ kulħadd.
“Fil-passat, in-nies kienu jaqtgħu qalbhom ikomplu bil-proċess u issa nħass il-bżonn li nniedu skema li naqdu lin-nies fejn hemm l-applikazzjoni onlajn, jista’ jdaħħalha kulħadd, jista’ jkollok l-għajnuna ta’ avukat jew perit jew nutar, però qegħda hemmhekk, nagħtuk aknowledgment u fi żmien qasir nagħtuk ir-risposta.”