Jason Zammit ta’ 48 sena li jgħix Tal-Pietà u Burgh Spiteri ta’ 34 sena mill-Ħamrun, inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar tad-droga f’residenza fl-Imsida.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li fl-aħħar ġimgħat kienet qed tosserva residenza li allegatament kienet qed tintuża biex minnha, tinbiegħ id-droga.
Il-Pulizija kellha tuża l-forza biex tidħol fir-residenza minħabba li l-bieb ta’ barra kien imbarrat minn ġewwa bi struttura tal-ħadid.
Intqal li fl-appartament kien hemm iż-żewġt irġiel u tliet nisa.
Fi tfittxija li saret, instabu numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokaina u eroina lesti biex jinbiegħu flimkien ma’ oġġetti oħra relatati mat-traffikar.
F’aktar tfittxijiet, il-Pulizija sabet borża b’madwar 50 gramma sustanza suspettata droga kokaina flimkien ma’ flus kontanti.
Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Prosekuzzjoni nformat lill-Qorti li ż-żewġ akkużati għandhom problema kbira tad-droga u talbet lill-Qorti tirrakomanda lid-Direttur tal-Ħabs biex jipprovdui l-għajnuna neċessarja.