Il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad, bl-aktar mod assolut u kategoriku dak li ġie rrapportat dwar allegati irregolaritajiet fi ħdan l-Aġenzija għall-Inforzar Lokali, il-LESA.
Fil-fatt, fi stqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Abela ċaħad li kien konxju ta’ dawn l-allegati irregolaritajiet u li m’għamel xejn biex iwaqqafhom. Ġie spjegat li din hi gidba u dikjarazzjoni falza mill-aktar faħxija, li saret minn min ressaq ir-rikors promotur, u abbuż sfaċċat tas-salvagwardji li jagħti dokument ġudizzjarju.
Il-Prim Ministru għamilha ċara li hu kodard u beżżiegħ min iressaq atti ġudizzjarji malizzjużi dwar allegazzjonijiet foloz, bl-iskop uniku li xi tajn forsi jeħel u jinqeda bis-segretezza ta’ inkjesta biex dak li jkun, ma jkollux l-opportunità li jirribatti pubblikament.
L-istqarrija tal-Gvern kompliet tinnota kif il-Prim Ministru hu assoċjat ma’ riformi kbar, li seħħew fil-qasam tal-governanza t-tajba u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, biex ikollhom aktar saħħa li jevitaw u jaġixxu kontra min iwettaq xi irregolaritajiet.
Għall-kuntrarju, min ressaq ir-rikors jibqa’ assoċjat ma’ episodji li fuqhom tkellem b’mod iebes u m’għandhom xejn mill-governanza t-tajba.
F’dikjarazzjoni fuq Facebook, il-Ministru responsabbli mil-LESA, Byron Camilleri, kiteb kif l-attakk ikkordinat u ddisprat fil-konfront tiegħu kompla, b’allegazzjonijiet bla bażi u infondati, biex iħammġuh u jattakkaw l-integrità tiegħu.
Żied jgħid kif min jafu, jaf kif dejjem mexa u qed iħares ’il quddiem biex l-allegazzjonijiet ikunu mistħarrġa.
Sadanittant, il-LESA nnifisha rreaġixxiet għal dawn l-allegazzjonijiet fejn il-Kap Eżekuttiv tagħha, Svetlick Flores, ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li dehru fil-midja.
Dwar it-trasferiment ta’ punti penali effettivi ta’ xufieri, l-aġenzija spjegat kif, wara li jsiru numru ta’ kontrolli, hi tipproċessa kull talba, mhux biss dawk marbutin ma’ vetturi tal-kiri.
Liema trasferiment dwaru tiġi ffirmata dikjarazzjoni minn sid il-vettura u x-xufier konċernat, li tkun ipprovduta lill-aġenzija jew b’mod fiżiku jew permezz ta’ sistema onlajn.
Fejn ikun hemm suspett ta’ kwalunkwe abbuż minn min jagħmel id-dokument, jintalab isir rapport lill-Pulizija biex tittieħed azzjoni, skont il-liġi.
L-aġenzija sostniet li, l-ebda forma ta’ abbuż jew azzjonijiet, li jxekklu l-integrità tagħha, ma jiġu ttollerati, tant li fl-aħħar snin, investiet u ħadet diversi azzjonijiet, fosthom dawk legali, li jinkludu mandati ta’ sekwestru kontra diversi persuni u kumpaniji biex tiġbor ħlasijiet dovuti, kif ukoll issospendiet il-faċilità ta’ kuntratti ta’ pagamenti lill-persuni u kumpaniji li joperaw fil-qasam tal-vetturi tal-kiri, biex tassigura li l-pagamenti jkunu immedjati.
Il-LESA ċċarat ukoll li l-ħlas ta’ kwalunkwe kontravenzjoni tibqa’ fir-responsabbiltà assoluta ta’ sid il-vettura u, f’każ li tali ħlas ma jsirx, il-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni tal-vettura ma tiġix imġedda minn Transport Malta.
L-aġenzija temmet tgħid li lesta tikkollabora bis-sħiħ fi kwalunkwe investigazzjoni.