Il-Gvern permezz ta’ Transport Malta se jkun qed jagħlaq il-Pjazza tal-Mosta kull nhar ta’ Ġimgħa u Sibt filgħaxija.
Minkejja li Kunsill Nazzjonalista oġġezzjona għal dan, il-Pjazza hija arterja prinċipali u allura taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali.
Ta’ min jinnota li se jkun hemm aċċess kemm is-Sibt u anke l-Ħadd filgħodu, fejn f’dawn il-ħinijiet il-karozzi jkunu jistgħu jidħlu fil-Pjazza b’mod liberu.
Ir-riġenerazzjoni ta’ din il-pjazza, b’investiment ta’ aktar minn erba’ miljun ewro, ġiet inawgurata fl-4 ta’ Ġunju li għadda.
Dan il-proġett mill-isbaħ u mfaħħar minn bosta, sar b’mod ewlieni minn Infrastructure Malta, bl-għajnuna fost oħrajn tal-Awtorità tat-Turiżmu u l-Awtorità tal-Ippjanar, u kien jinkludi pavimentar, sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita u rinnovar ta’ bankini f’parti minn Triq il-Kostituzzjoni, b’materjal tal-qawwi. Sar ukoll wiċċ t’asfalt u l-pjazza ngħatat aktar lin-nies.
Sadanittant, meta kienet ħarġet l-aħbar li l-Kunsill Lokali tal-Mosta taħt tmexxija Nazzjonalista kien ried li din titneħħa minn żona pedonali fi tmiem il-ġimgħa u terġa’ lura għat-traffiku l-ġimgħa kollha, il-Kamra tal-Periti kienet ħarġet stqarrija b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill, immexxi mis-Sindku Joe Gatt, u appellat għas-sens komun.
Il-Kamra tal-Periti kienet enfasizzat lill-kunsillieri Mostin biex iżommu f’moħħhom il-benesseri tal-komunità u jibqgħu sodi quddiem pressjonijiet kummerċjali, li ma jridux il-kunċett ta’ żona pedonali.
Fi stqarrija b’rabta ma’ din id-deċiżjoni li l-pjazza tkun mingħajr karozzi f’żewġ iljieli, il-Kunsill tal-Mosta dalgħodu ħareġ qatta’ bla ħabel kontra dan. Ta’ min ifakkar kif il-Kunsillieri Laburisti f’dan il-Kunsill huma favur li l-Pjazza għandha tingħalaq.