Ġie kkonfermat l-ewwel każ ta’ Mpox f’pajjiżna għal din is-sena. Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa fejn ġie spjegat li dan il-każ, li nstab f’raġel, ġie trasmess sesswalment u importat minn barra l-pajjiż. F’dan l-istadju, il-Clade speċifiku tal-virus għadu ma ġiex identifikat.
Ir-raġel jinsab klinikament stabbli u mhemmx bżonn li jiddaħħal l-isptar. Minkejja dan, il-pazjent ġie iżolat u l-awtoritajiet qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġu intraċċati l-kuntatti kollha li seta’ kellu biex tiġi evitata t-trasmissjoni.
Dwar dan il-każ, tkellimna mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
“Ilbieraħ filgħaxija kellna informazzjoni u kellna konferma ta’ każ tal-Mpox. Din is-sena s’issa ma kellna l-ebda każ li kien ikkonfermat, allura dan il-każ investigajnih u kien każ importat, jiġifieri dan ħa din l-infezzjoni minn barra minn Malta, però mill-informazzjoni li għandna, il-persuna ma kienx qiegħed f’pajjiżi tal-Afrika fejn Clade 1, li hi aktar ta’ tħassib għall-WHO, qiegħda tinfirex.”
Sentejn ilu, lejn tmiem il-pandemija tal-COVID-19, il-Monkeypox kienet diġà bdiet tissemma fl-aħbarijiet, meta kien hemm tifqigħa kbira tal-virus fl-Afrika, imma anke fl-Ewropa. Anke f’Malta kien hawn tlieta u tletin każ ikkonfermati, li kollha kienu fi stat ta’ saħħa tajba, u s-sena l-oħra wkoll kien hawn xi każijiet.
Id-differenza issa hi li, filwaqt li qabel dan kien jittieħed biss minn kuntatt sesswali, il-varjant il-ġdid jista’ jittieħed ukoll b’kuntatt mill-viċin, li ma jkunx neċessarjament sesswali.
L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin jinsabu f’kuntatt kontinwu mat-tobba tal-familja biex kull każ potenzjali jiġi identifikat.
“Hu importanti ħafna li l-każi li jkollna jiġu identifikati kmieni, allura aħna ħriġna komunika mat-tobba li hawn f’Malta biex inkunu nistgħu ninformawhom x’inhu għaddej. Informajnihom ukoll x’inhuma s-sintomi u bgħattnielhom xi ritratti tar-raxx tipiku, li joħroġ f’dawn il-każi u informajnihom x’għandhom jagħmlu jekk ikollhom xi każ, fejn għandhom jirreferuh, biex aħna nkunu nistgħu nitkellmu aktar mal-pazjent u noħdulu t-test biex fil-laboratorji tagħna nikkonfermaw minn fejn ġejjin is-sintomi, fosthom tal-Mpox, u anke kundizzjonijiet oħrajn.”
Filwaqt li saħqet li mhemm l-ebda lok għall-allarm, il-Professur Gauci ħeġġet lill-pubbliku biex jieħu l-prekawzjonijiet, u jieħu ħsieb l-iġjene personali, inkuż bil-ħasil tal-idejn b’mod regolari.
“Din hi sitwazzjoni li hi differenti mill-pandemija li kellna tal-COVID, għax s’issa, mill-informazzjoni li għandna, din tiġi trasmessa billi jkollok il-close contact mal-persuni u anke sesswalment. L-importanti li n-nies jipprattikaw safer sex u joqogħdu aktar attenti u jkun hemm aktar fiduċja mal-persuni li jkollok l-exposure magħhom, u jekk tara xi persuna li jkollha xi raxx, b’mod speċjali jekk ikunu f’pajjiżi fejn nafu li qed tinfirex il-marda, noqogħdu attenti u ma jkollniex kuntatt ma’ dawn il-persuni.”