Il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija, Ryan Callus, wera biċ-ċar li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda viżjoni x’jippreżenta għall-isfidi f’dan is-settur daqstant importanti, anke jekk fuqu kontinwament jikkritika lill-Gvern u l-investimenti multi-miljunarji li għaddejjin.
F’intervista fuq il-podcast ta’ Jon Mallia, li ħadet ftit aktar minn tliet sigħat, Callus ma kellux kliem xi jlissen meta mistoqsi b’mod speċifiku x’kien jagħmel il-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward u temi oħrajn kruċjali, kemm-il darba jkun fil-Gvern.
Din l-inċertezza kompliet meta l-preżentatur staqsih minn fejn jibda l-Partit Nazzjonalista, kieku għada jkun fil-Gvern.
Preżentatur: “Minn fejn taħseb li għandkom tibdew, kieku għada għandkom iċ-ċwievet ta’ Kastilja – step 1?”
Ryan Callus: “Inniedu l-viżjoni ekonomika ġdida.”
Preżentatur: “OK, nistgħu narawha qabel nagħtukom iċ-ċwievet?”
Ryan Callus: “Qegħdin nitkellmu fuqha.”
Mistoqsi dwar sfidi oħrajn lokali, Callus ukoll kien mitluf għal kollox u ammetta li kull analiżi li tkun trid isseħħ, mhi faċli xejn.
“Nifhem id-diffikultà ta’ din is-sitwazzjoni u nifhem li m’intix ħa tagħmilha hekk (ifaqqa’ subgħajh).”
Wara xhur sħaħ ta’ kritika mill-Oppożizzjoni dwar ħaddiema minn pajjiżi terzi, l-hekk imsejħin Third Country Nationals jew TCNs, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni wkoll ħarab mid-domanda u ma offra l-ebda soluzzjoni anke għal sfidi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema li ċerti setturi ekonomiċi qegħdin jiffaċċjaw, simili għal diversi pajjiżi oħrajn.
Ryan Callus: “Konxji tagħha aħna.”
Preżentatur: “U kif se timitigawha?”
Ryan Callus: “Mhijiex risposta li nista’ nagħtik hekk.”
Meta ġie mistoqsi dwar tema oħra importanti, l-iżviluppi li jkunu meħtieġa għall-pajjiż, u jekk jarax il-possibbiltà li jkun hemm moratorju fuq proġetti kbar ħafna, li kapaċi jġibu sfidi u sagrifiċċji, Callus baqa’ sieket, biex imbagħad tenna li l-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jara l-prijoritajiet.
“Aktar milli moratorju, we need to realign our priorities.”
Bħala l-Kelliem għall-Enerġija, hu ġie mistoqsi dwar l-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi u kif dawn tal-aħħar se jkunu jistgħu joperaw, f’każ li jinqata’ d-dawl minħabba s-sħana.
Hawnhekk, minbarra li naqas milli jirrikonoxxi t-tisħiħ fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija li sar u għadu għaddej fil-pajjiż, Callus ukoll ipprova jirredikola s-sitwazzjoni.
Preżentatur: “Aħna lesti bħala pajjiż għal dan il-pass? Jekk le, kieku inti l-Ministru tal-Enerġija, x’tagħmel?
Ryan Callus: “Ta tam …”
Minkejja n-nuqqas ta’ tweġibiet f’ħafna ħin mill-intervista, il-Kelliem Nazzjonalista nsista li l-unika alternattiva għall-futur ta’ pajjiżna jibqa’ l-Partit Nazzjonalista.
“Jien ma narax alternattiva oħra f’dan il-pajjiż li jista’ jġib il-bidla, ħlief il-Partit Nazzjonalista”.
Fl-istess intervista, Mallia, iżda, qanqal il-passat tal-Partit Nazzjonalista fejn Callus spiċċa jirrikonoxxi li, taħt it-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi u Simon Busuttil, kienu antikwati u l-Partit ma kienx kapaċi jħaddan il-bidliet li kienu qed iseħħu fis-soċjetà.
“Jiena nirrikonoxxi li l-Partit Nazzjonalista seta’, f’ċerti istanzi, m’abbraċċax biżżejjed il-bidla fis-soċjetà tagħna, pereżempju, meta kien hemm ċerti voti tal-LGBTIQ, naħseb li ma kellux ikun hemm astensjoni. Nirrikonoxxi li kien hemm ċirkostanzi fejn ma konniex qegħdin naqraw is-sinjali taż-żminijiet … m’għandix diffikultà ngħidha.”
Callus xorta tenna li l-futur tal-Partit Nazzjonalista hu Bernard Grech, minkejja li l-preżentatur ġibidlu l-attenzjoni li, matul l-elezzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej, kienet iżjed strumentali Roberta Metsola minflok.
Minkejja dan, Callus insista li kien Grech li ġabar lill-Partit Nazzjonalista.
“Ir-realtà llum hija li għandna l-Kap Bernard Grech li nneħħilu l-kappell li, jekk xejn, irnexxielu jerġa’ jibnina f’partit magħqud”.