Il-fatt li l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ħatret lir-raġel t’oħtha, Matthew Tabone, bħala l-Kap tal-Kabinett tagħha ġibed l-attenzjoni tal-midja internazzjonali, bis-sit Politico u dak Taljan EUnews.it, fost oħrajn, jirrapportaw l-aħbar bi prominenza.
Kif diġà indikat minn ONE News, is-siti internazzjonali wkoll fakkru li Metsola kompliet bil-pjan li kienet diġà pprovat tattwah sentejn ilu, iżda minħabba li qajmet kontroversja fl-eqqel ta’ kwistjonijiet, bħal Qatargate, kienet abbandunat kollox. Dan anke jekk kelliem tagħha kien diġà ġġustifika l-għażla ta’ Tabone dakinhar.
Issa, f’mandat ġdid bħala President tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista ddeċidiet li tippersisti billi taħtar lil Tabone bħala l-Kap tal-Kabinett tagħha. Kariga li ġġorr salarju sa €20,000 fix-xahar.
Hu ħa post Leticia De Reales Ansaldo, wara li din saret id-Direttur għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali fi ħdan il-Parlament Ewropew.
EUnews.it qal li r-regolamenti Ewropej iċaħħdu lill-Membri Parlamentari Ewropej milli jimpjegaw magħhom xi qraba diretti, għalkemm żied li Tabone ma jikkwalifikax bħala qarib tal-ewwel grad ta’ Metsola, avolja miżżewweġ lil oħtha.
Min-naħa l-oħra, il-Politico qal li dik ta’ Metsola xorta tibqa’ ħatra kontroversjali u li ma kinitx l-ewwel waħda tagħha lanqas, mindu saret President tal-Parlament Ewropew l-ewwel darba fil-bidu tal-2022.
Il-Politico fakkar kif fil-ħarifa ta’ sentejn ilu hi kienet ippromwoviet lill-Kap tas-Segretarjat tagħha, Alessandro Chiocchetti għal Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, kariga b’saħħitha ħafna li tissorvelja l-burokrazija wiesa’ tal-istituzzjoni.
Bħala kollega qrib tagħha, Chiocchetti kien deher li gawda minn favoritiżmu u negozjar bil-moħbi biex jinħolqu postijiet ġodda bil-għan li dan ikollu l-appoġġ meħtieġ għar-rwol li b’hekk baqa’ f’idejn il-familja tal-EPP, li tiegħu hu membru l-Partit Nazzjonalista.
Metsola u l-EPP dakinhar qalu li kienu qed isegwu l-proċeduri Parlamentari.