Tnediet għall-konsultazzjoni pubblika strateġija nazzjonali, li tippromwovi l-attività fiżika fost il-poplu kollu, magħrufa bħala ‘Strategy for Health-Enhancing Physical Activity (HEPA)’ għas-snin 2025-2030.
Din hi mmirata għaċ-ċittadini f’pajjjiżna kollha biex ikollhom l-informazzjoni, l-għarfien kif ukoll l-aħjar opportunitajiet possibbli, bħall-iffaċilitar ta’ attività soċjali, kulturali u ambjent fiżiku, għal attivitajiet fiżiċi li jtejbu s-saħħa matul il-kors tal-ħajja.
Minn studju li diġà sar, joħroġ kif f’pajjiżna, b’mod ġenerali, il-poplu l-Malti hu wieħed b’nuqqas qawwi ta’ attività fiżika, fejn, fost oħrajn, 68% tal-adulti raramenti jew qatt ma jagħmlu sports, waqt li 74% rarament jew qatt ma jagħmlu mqar attività fiżika. Dan jikkuntrasta sew maċ-ċifri medji fl-Unjoni Ewropea, li huma inqas.
Ħareġ ukoll kif in-nisa u persuni kbar fl-età jagħmlu inqas minn dan, bl-istudju juri kif il-Maltin jimxu inqas u jqattgħu aktar ħin bil-qegħda.
Minbarra hekk, 56% tal-Maltin qalu li jagħmlu attività fiżika fi triqthom bejn ix-xogħol u d-dar jew biex jagħmlu l-qadi, waqt li 41% jagħmlu tali attività fid-dar tagħhom stess. Huma biss 20% li jagħmlu attività fiżika fil-beraħ, f’ġonna jew postijiet pubbliċi oħrajn.
Din hi l-inqas rata fost is-27 stat membru fl-Unjoni Ewropea.
Fejn jidħol l-aktar mezzi ta’ trasport użati, il-vettura personali hi għażla assoluta. Dan hekk kif ukoll, sa Marzu ta’ din is-sena, f’pajjiżna kien hawn irreġistrati mal-erba’ mija u erbgħin elf vettura liċenzjata, waqt li inqas minn wieħed fil-mija jużaw ir-rota għal dan il-għan.
F’kummenti li taw il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, spjegaw kif wieħed m’għandux jitkellem fuq l-Isport organizzat biss, iżda jridu jintlaqtu l-aktar nies possibbli.
Il-Ministru Grima qal li, waqt li hu tajjeb li pajjiżna jorganizza avvenimenti sportivi internazzjonali, trid tkompli ssir aktar ħidma biex jintlaqtu firxa usa’ ta’ setturi u faxex tas-soċjetà.
“Wieħed irid jara pjan sħiħ ta’ dak li hu l-aspett ta’ mobilità fl-ibliet u l-irħula tagħna, b’mod inġenerali, il-mod kif wieħed imur minn post għall-ieħor u naħseb li dawk huma kollha punti li nittamaw li l-konsultazzjoni pubblika tibni fuq il-feedback li kellek minn diversi entitajiet u diversi setturi. Permezz tagħha, inkunu nistgħu nħabbru proprju din l-istrateġija li tkun tista’ tiġi attwata b’tali mod u manjiera li tħalli l-benefiċċji tagħha u l-frott tagħha għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.”
Intervjeniet ukoll is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, li spjegat dak li joħroġ anke minn stħarriġ bħal dan, biex jiġu identifikati l-problemi li qed naffaċċjaw bħala pajjiż u kif tista’ tiżdied l-edukazzjoni favur ħajja aktar attiva.
Dan iwassal ukoll għal inqas problemi ta’ saħħa u titjib fil-ħajja ta’ kuljum, b’inqas użu ta’ karozzi u arja aktar nadifa, fost affarijiet oħra.
Tkellimna ma’ Dr Roberto Debono, Konsulent Mediku, li kompla jispjega aktar fuq dan kollu.
“L-ambjent li ngħixu fih jaffettwa d-deċiżjonijiet li nagħmlu u l-istil ta’ ħajja li nadottaw. Fost affarijiet oħrajn, dan ifisser li jaffettwa kemm aħna attivi fiżikament. L-istrateġija tagħmel enfasi fuq li noħolqu ambjenti li huma u jippromwovu l-użu tar-rota, pereżempju, il-mixi, il-mobiltà attiva fit-tfal, fil-kbar u anke fl-anzjani.”