Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju li għaddew, l-ekonomija Maltija kibret b’rata ta’ 4.4%. Dan joħreġ mill-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Minn din l-istatistika jirriżulta li stimi proviżorji juru li l-ġid nazzjonali fil-perjodu msemmi kien jammonta għal aktar minn ħames biljun u ħames mitt miljun ewro.
Dan ifisser żieda ta’ kważi tliet mija u disgħin miljun ewro jew żieda ta’ 7.6%, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Minn riċerka, li għamel ONE News, jirriżulta li l-ġid nazzjonali, fit-tieni kwart ta’ din is-sena, żdied b’żewġ biljuni u tliet mitt miljun ewro fuq it-tieni kwart tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Is-setturi tas-servizzi u tal-industrija rreġistraw l-aktar kontribut pożittiv fit-tieni kwart ta’ din is-sena, waqt li wkoll kien hemm żieda ta’ aktar minn tnejn fil-mija fid-domanda domestika, imqabbla mal-istess perjodu fl-2023.