Dun Anġ Seychell, il-fundatur tal-Fondazzjoni Nazareth, għamel appell b’saħħtu lill-pubbliku biex ikun ġeneruż mal-ħidma li twettaq l-organizzazzjoni b’risq persuni b’diżabilità.
Mis-sodda fejn attwalment jinsab rikoverat, Dun Anġ bagħat dan il-messaġġ lejliet il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi bl-isem ‘Bis-Saħħa ta’ Kulħadd’, li se tiġi organizzata nhar it 8 ta’ Settembru fuq l-istazzjonijiet kollha, inkluż ONE.
Dun Anġ jaqsam l-ħsibijiet tiegħu mal-pubbliku dwar kif hu offra daru biex jospita lill-persuni vulnerabbli u dan hu l-mod kif hu wera mħabbtu lejn l-aktar persuni li jbatu fis-soċjetà.
“Għedtilhom li jiena d-dar nixtieq nagħtiha lill-persuni b’diżabilità, għax jiena nixtieq naqsam ħajti dejjem mal-ifqar fost il-fqar.”
Kompla jgħid li l-Fondazzjoni għandha bżonn l-għajnuna finanzjarja u kien hawn li ħeġġeġ għad-donazzjonijiet.
“Meta tkunu qegħdin tgħinu lil dawn in-nies, tkunu qegħdin tgħinu lil min l-aktar għandu bżonn.”
Għal aktar tagħrif dwar il-maratona u l-ħidma inġenerali tal-Fondazzjoni Nazareth, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tagħha.