Steve Farrugia ta’ 46 sena mill-Imsida huwa s-sid il-ġdid tad-debba Franċiża Nodessa Joselyn, wara li r-rappreżentanti tiegħu Christophe u Vincent Martens laħqu ftehim għas-somma fenominali ta’ €740,000 f’irkant li seħħ ilbieraħ ġewwa Argana Yearling Sales f’Deuville fi Franza.
B’hekk, Farrugia, li hu sid ta’ bosta żwiemel oħra, sar l-iktar persuna ta’ nazzjonalità Maltija li ħallset flus għal żiemel tat-trott. Intant, dan hu l-ogħla ammont qatt imħallas fl-Ewropa għal żiemel tat-trott tas-sena fl-istorja tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Nodessa Josselyn hi bint iż-żiemel Ready Cash, żiemel magħruf sew madwar id-dinja b’mod speċjali għas-suċċessi fiż-żewġ rebħiet tal-Prix D’Amerique fl-2011 u fl-2012, u Bellina Josselyn, debba li wkoll kisbet suċċess fil-Prix D’Amerique meta spiċċat rebħietu fl-edizzjoni tal-2019.
Imħarreġ minn Philippe Allaire u Thierry Duvaldestin matul il-karriera tiegħu, Ready Cash rebaħ 40 minn 70 tiġrija li ħa sehem fihom, b’total mirbuħ ilaħħaq is-somma ta’ €4,282,300. B’din iċ-ċifra, Ready Cash kien l-aktar żiemel sinjur sakemm wasal biex jirtira. Min-naħa l-oħra, Bellina Josselyn laħqet somma ta’ rebħ ta’ €2,686,170.
Nodessa Josselyn mhux se tkun qed tinġieb lejn pajjiżna iżda se tkun qed tinżamm fi Franza. Id-debba mhux se tkun qed ittellaq f’Malta, iżda se tkun qed ittellaq fi tlielaq barra minn xtutna, partikolarment fix-xena Franċiża.