Waqt li l-Erbgħa ġie ppubblikat studju xjentifiku f’rapport tal-organizzazzjoni Caritas dwar kemm jiswa basket ta’ affarijiet essenzjali li familja f’pajjiżna teħtieġ biex tgħix ħajja diċenti, il-Partit Nazzjonalista u l-Kelliem Ewlieni tiegħu Justin Schembri ma sabu l-ebda kompromess fuq dan.
Il-Partit ta’ Bernard Grech uffiċjalment laqa’ r-rapport, li jsir kull erba’ snin, u sejjaħlu wieħed importanti, tant li fuqu bbaża s-soltu logħob partiġġjan tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kelliem Ewlieni Schembri ħareġ jgħid li r-riżultati fl-istudju tal-Caritas mhumiex reali.
Fir-rapport, li ppreżentat uffiċjalment ir-rapport lill-Partit Nazzjonalista u anke ddiskutietu mal-Viċi Kap Nazzjonalista Alex Perici Calascione u kelliema oħrajn tal-Partit, il-Caritas innotat li bosta miżuri soċjali, li ħa l-Gvern fl-aħħar żmien, għenu mhux ftit biex jilqgħu għar-realtà tal-għoli tal-ħajja.
Jissemmew miżuri, bħas-sussidju fuq l-enerġija, il-mekkaniżmu addizzjonali tal-għoli tal-ħajja u t-trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd, fost l-oħrajn.
Fi stqarrija pubblika, il-Partit Nazzjonalista faħħar l-istudju tal-organizzazzjoni, li taħdem ma’ persuni vulnerabbli, u użah fil-kritika lejn il-Gvern.
Minkejja dan, f’kumment fuq il-midja soċjali, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Justin Schembri, ħareġ kompletament bil-kontra u attakka l-istudju, li ddeskrivih bħala “surreali u impossibbli”.
Din mhix l-ewwel darba li Schembri ħa linja differenti minn dik tal-Partit tiegħu.
Minkejja li l-Kap tiegħu jiddandan li għandu pjan lest biex imexxi lil Malta ’l quddiem, fi Frar li għadda kien kixef li l-PN għad m’għandux strateġija għall-edukazzjoni.
F’dibattitu mal-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, Schembri kien qal hekk:
Clifton Grima: “Jiġifieri l-viżjoni mhux lesta, tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni?!”
Justin Schembri: “Il-viżjoni tagħna qed tinbena, bħalma qegħda tinbena tiegħek. Allaħares ikolli viżjoni lesta meta fadalli tliet snin għall-elezzjoni.”