“Huwa proċess li jieħu t-tul.” Hekk qaltilna d-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici meta staqsejniha dwar kif il-Partit Nazzjonalista m’onorax lanqas estensjoni, li talab hu stess mill-Kummissjoni Elettorali, biex ikollu aktar żmien jissottometti l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu u ma jkomplix jikser sfaċċatament il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Mifsud Bonnici, li kellha bosta karigi fl-organi tal-Partit Nazzjonalista taħt Lawrence Gonzi u Simon Busuttil, qaltilna li dan hu proċess li jieħu fit-tul.
“Huwa proċess li probabbilment, għax jien ma nidħolx fih, hu proċess li huwa fit-tul.”
Fl-istess risposta, Mifsud Bonnici tefgħet ir-responsabbilità f’idejn it-tmexxija Nazzjonalista u ħaslet idejha bħal Pilatu, minkejja li hi Deputata tal-Partit, li l-operat tiegħu issa hu illegali bi ksur tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
“Jien kont fl-istrutturi tal-partit, m’għadniex fl-istrutturi tal-partit.”
Il-Ħadd, il-gazzetta MaltaToday żvelat kif, wara li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ssottomettiex lill-Kummissjoni Elettorali l-kontijiet finanzjarji għas-snin 2021, 2022, 2023 u r-rapport tad-donazzjonijiet għas-snin 2022 u 2023, fuq l-2021 kien ingħata estensjoni sal-4 ta’ Awwissu li għadda.
Bis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Michael Piccinino, inqabad jigdeb ma’ ONE News meta kien qal li l-Partit Nazzjonalista se jimxi kif imponiet fuqu l-Kummissjoni Elettorali.
“Fiż-żmien stipulat mill-Kummissjoni Elettorali. Il-Kummissjoni Elettorali tat bejn sitt xhur u disa’ xhur, skont liema sena bħala estensjoni. Aħna ħa nkunu qegħdin nagħmlu żgur li aħna se nkunu qed nosservaw id-direzzjoni.”
Sadanittant, Mifsud Bonnici qaltilna li, minkejja li nqabeż iż-żmien mogħti żejjed lill-Partit Nazzjonalista biex jissottometti l-kontijiet finanzjarji awditjati, hemm aktar proċessi.
“Imma tajjeb li ngħidu li dak li qed tistaqsini qed jiġi pproċessat.”