Ħamsa u erbgħin persuna ġew arrestati mill-Pulizija wara li nstabu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna b’mod irregolari.
Dawn il-persuni twaqqfu waqt kontrolli tat-traffiku koordinati li saru f’numru ta’ lokalitajiet, fosthom f’Raħal Ġdid u f’Burmarrad.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li dawn il-persuni huma mill-Albanija, min-Nepal, mis-Sirja, min-Niġerja, mill-Ghana u mill-Mali.
F’dawn l-ispezzjonijiet instabu wkoll żewġ xufiera li kienu qed isuqu mingħajr liċenzja tas-sewqan valida, fejn inħarġu wkoll akkużi fil-konfront tagħhom.
Intqal li Transport Malta neħħiet ukoll karozzi mit-triq, li nstabu mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.
Dan filwaqt li l-aġenzija JobsPlus qed tinvestiga wkoll persuni b’rabta ma’ impjiegi irregolari lil ħaddiema barranin.
L-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta u l-Pulizija ħarġu wkoll diversi kontravenzjonijiet fil-konfront ta’ xufiera b’rabta ma’ nuqqas ta’ ħarsien tal-liġijiet tat-traffiku u b’rabta ma’ vetturi li ma kinux konformi mal-liġi.
Jassistu f’dawn l-operazzjonijiet kien hemm ukoll uffiċjali mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u Identità.
Intqal li l-persuni kollha li nstabu jgħixu fil-pajjiż b’mod irregolari inżammu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm jiġu ripatrijati fil-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew f’pajjiż li jistgħu jgħixu fih.
Dawn l-ispezzjonijiet huma parti minn ħidma kontinwa mill-awtoritajiet kontra l-abbuż u favur aktar sigurtà.