Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ppersistiet li taħtar lir-raġel t’oħtha bħala Kap tal-Kabinett tagħha.
Dan wara li qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet kellha l-istess pjan iżda rtirat minnu wara li l-midja Taljana żvelat din il-ħatra fi sfond ta’ deċiżjonijiet dubjużi oħrajn.
Is-salarju għal din il-kariga jista’ jlaħħaq sa €20,000 fix-xahar u Matthew Tabone se jkun il-Kap ta-Kabinett tagħha wara li ilu jservi ma’ Metsola għal numru ta’ snin. Fil-fatt, huwa ilu jaħdem ma’ Metsola fil-Parlament Ewropew sa mill-2013 hekk kif kien imexxi l-uffiċċju tal-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista.
Xogħlu f’din il-kariga huwa li jżomm ir-relazzjonijiet mal-gruppi differenti politiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew filwaqt li jaħdem ukoll ma’ taqsimiet amministrattivi varji u istituzzjonijiet oħrajn.
Huwa se jkun qed jieħu post Leticia De Reales Ansaldo hekk kif issa hija d-Direttur għar-relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Sentejn ilu, Roberta Metsola riedet ukoll lil Tabone li jieħu din il-kariga, iżda ġiet sfurzat tirtira din il-ħatra lil wieħed minn ta’ ġewwa fi żmien ta’ deċiżjonijiet dubjużi u stejjer xejn sbieħ fil-konfront tagħha.
Iżda issa ippersistiet u ħatret lir-raġel t’oħtha f’kariga ta’ €20,000 fix-xahar.
Fuq quddiem ta’ dan kollu kien hemm l-iskandlu Qatar Gate fejn hemm numru ta’ persuni investigati dwar allegat skema, fejn politiċi ħadu flus jew rigali mill-Qatar u minn gvernijiet oħrajn biex jinfluwenzaw il-politika u anki d-dibatti f’din l-istituzzjoni Ewropea.