F’rapport ippubblikat kull erba’ snin, il-Caritas ippreżentat studju dwar dak meħtieġ biex tgħix ħajja diċenti għas-sena 2024.
Fl-istudju li sar ftit wara li bdiet taħdem l-inizjattiva Stabbiltà, li fissret roħs u stabbiltà fil-prezz ta’ 450 prodott tal-ikel essenzjali, il-Caritas innutat bosta miżuri soċjali li ħa l-Gvern u li primarjament tħabbru fil-Budget, li għenu mhux ftit biex jilqgħu għar-realtà tal-għoli tal-ħajja.
Hawn issemmew miżuri bħas-sussidju fuq l-enerġija, il-mekkaniżmu addizjonali għall-għoli tal-ħajja, it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u anki miżuri oħrajn, bħall-għoti ta’ kaxxa b’affarijiet sostenibbli lill-ġenituri li jkun kemm kellhom tarbija u għodda marbuta mal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-ilma.
Il-Caritas wettqet studju ta’ prezzijiet ta’ affarijiet li familja jkollha bżonn biex tgħix fejn irrimarkat li familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal għandha bżonn mad-€19,153 fis-sena fil-basket bażiku t’affarijiet meħtieġa.
L-istima tinżel għal €14,731 għal koppja anzjana.
Fl-istima tal-basket mill-esperti tal-Caritas hemm numru ta’ affarijiet minn ikel, għal prodotti sanitarji, ħwejjeġ, mediċina, trasport u anki spejjeż marbuta mal-ħin rikreattiv.
Il-Caritas semmiet kif hemm forom ta’ familji li bl-inqas dħul possibbli għalihom ikopru l-ispejjeż tal-basket stmat u hemm minnhom li le.
Iżda pereżempju ġenitur b’żewġt itfal fuq il-paga minima, li żdiedet u l-ħaddiem jirċievi wkoll l-in-work benefit, din it-tip ta’ familja tinsab kważi €800 iżjed ’il fuq mill-ispejjeż li jkollha fis-sena.
Intqal li mbagħad jista’ jkollok spejjeż mhux pjanati li jbiddlu din is-sitwazzjoni.
Fir-rapport ġie rimarkat ukoll kif ir-rata ta’ inflazzjoni mistennija tkompli timmodera u l-Caritas innutat kif inizjattivi tal-Ministeru għall-Politika Soċjali bħal Ġemma u favur il-literriżmu finanzjarju huma importanti għaliex jgħinu fl-għaqal tal-familji.