L-Università ta’ Malta u l-Awtorità tal-Anzjani għall-Istandards tal-Persuni Anzjani, l-OPSA, iffirmaw ftehim ġdid biex jissaħħaħ il-livell ta’ kollaborazzjoni u servizzi li jingħataw lill-anzjani fis-setturi tal-ġerontoloġija u l-ġerjatrija.
Il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet nazzjonali se jservi għal bdil ta’ informazzjoni, għarfien u riċerka, speċjalment b’rabta mas-servizzi statali lill-anzjani.
Il-ftehim se jipprovdi ukoll aktar opportunitajiet għall-impjegati tal-OPSA biex jissieħbu fil-kors tad-Diploma fl-livell ogħla fil-Ġerontoloġija u l-Ġerjatrija.
Preżenti għall-okkażjoni, kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-innovazzjoni, Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Aguis Galea, ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija u Studji ta’ Dimensija, il-Professur Christian Borg Xuereb.
Is-Segretarju Parlamentari Aguis Galea stqarr kif dan il-ftehim se jsaħħaħ l-istandards tas-settur u mhux biss l-istudenti se jgawdu minnu, iżda anke l-anzjani.
“Dan is-settur dejjem qed jikber, dejjem qed jiżdiedu aktar ħaddiema, dejjem qed jiżdied ix-xogħol fih u allura importanti ferm li jkollna l-istandards kif suppost ħalli naraw li jkollna settur li jkun miexi tajjeb u wkoll miexi b’mod sigur li din il-faxxa tas-soċjetà tagħna, l-anzjani, fejn aħna hi ferm importanti l-kura li jingħataw.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima stqarr l-istudenti se jiġu mgħejjuna jiksbu l-esperjenza fil-qasam, waqt li se jgħolli l-livell tal-Università.
“Illum permezz ta’ din il-ftehim qed naraw opportunità oħra li, permezz tagħha, l-istess studenti ħa jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom ma’ sezzjoni partikolari fis-soċjetà tagħna, sezzjoni li tant qegħda dejjem tikber, sezzjoni li għandha bżonn involviment ta’ dawn l-istudenti. Dawn it-tip ta’ ftehimiet jassiguraw li l-Università tibqa’ waħda ħajja, waħda relevanti, waħda li tagħmel differenza fis-soċjetà tagħna.”
Ingħad li dan il-ftehim se jservi bħala pedament għal aktar kollaborazzjonijiet futuri biex jittejbu s-servizzi offruti lill-anzjani f’Malta.