Bejn is-27 u t-28 ta’ Settembru li ġejjin, se jkun qed jerġa’ jittella’ l-festival tas-‘Science in the City’, li bħas-soltu jkun mimli b’wirjiet interattivi, attivitajiet prattiċi varji u workshops fi Pjazza Tritoni u fis-Sala San Duminku, fil-Belt, li se jkomplu jsaħħru u jqanqlu l-kurżità u l-kreattività ta’ dawk kollha preżenti.
Il-festival, li din is-sena ngħata t-tema ta’ ‘Ġustizzja, Ekwità, Diversità u Inklużjoni’ jew ‘Ġ.E.D.I.’ fil-qasir, se jkun qed jittrasferixxi liċ-ċittadini l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex ikunu kapaċi jagħmlu deċiżjonijiet iżjed informati.
Dettalji dwar l-attivitajiet, li se jinkludu anke wirjiet interattivi ma’ robots, ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu.
Tkellimna mal-Professur Alfred Vella, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, li stqarr li l-fatt li l-Università tgħin fl-organizzazzjoni ta’ ‘Science in the City’ hi naturali, għax fih isir ħafna xogħol mir-riċerkaturi u l-akkademiċi mill-Università stess.
“F’dan il-festival, isibu mod ta’ kif juru lill-kumplament tas-soċjetà dik l-attività li sseħħ fl-Università u tagħtiha s-sens tagħha, li tiġi esebita f’manjiera li tinftiehem mill-poplu, inkluż iż-żgħar nett tagħna, li l-focus naħseb għandu jkun ukoll partikolarment fuqhom.”
Fl-aħħar tnax-il sena, ‘Science in the City’ evolva fl-akbar festival tax-xjenza u l-arti f’pajjiżna, permezz ta’ kollaborazzjonijiet innovattivi u kontenut impenjattiv, b’viżjoni li tgħaqqad ix-xjenza, l-arti u l-edukazzjoni. Hu stmat li, kull sena, jattira iżjed minn 30,000 viżitatur.
Il-kordinatur tal-festival, Dr Edward Duca, tenna li wkoll se jkunu jsiru diversi attivitajiet qabel, bejn is-7 u l-24 ta’ Settembru, fejn kulħadd se jkun jista’ jieħu sehem.
Semma kif, għall-ewwel darba, se jkunu fostna rappreżentanti tan-National Geographic, li se jesploraw l-istorja tagħna u t-tibdiliet fil-klima, fost l-oħrajn.
“Dawn huma affarijiet li huma verament importanti għall-pajjiż tagħna, li ninvestu fir-riċerka f’Malta ħalli jkollna pajjiż aħjar. Inħajjar lil kulħadd biex jiġi għal ‘Science in the City’, għax se ssibu xi ħaġa li ħa togħġobkom żgur.”
Preżenti għat-tnedija tal-festival kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Keith Azzopardi Tanti, u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li lkoll enfasizzaw dwar l-impenn komunitarju fit-trawwim tal-kultura max-xjenza u t-teknoloġija, li jinġiebu flimkien f’dan l-avveniment.