It-tielet aċċident fatali tal-ġurnata.
Cristi Robles, Kolombjana ta’ 33 sena, tilfet ħajjitha traġikament wara inċident tat-traffiku b’mutur fir-Rabat.
Il-jum tas-27 ta’ Awwissu kien ikkaratterizat minn tliet aċċidenti li ħallew tliet persuni mejta fuq il-post. Dan wara li kmieni filgħodu raġel lndjan tilef ħajtu f’ħabta frontali ma’ trakk tal-kostruzzjoni f’Ħaż-Żebbuġ u ftit sigħat wara anzjana tilfet ħajjitha wara li ntlaqtet minn vann li kien qiegħed jirriversja f’Ħal Qormi.
Sadanittant dan l-inċident seħħ tard it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart, fi Triq it-Tabija.
Malli l-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident, minnufih marret fuq il-post, fejn sabet mutur Honda mixħut mal-art u żewġ tfajliet bi ġrieħi serji fit-triq.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li s-sewwieq tal-mutur, mara ta’ 31 sena mill-Kolombja u residenti Wied il-Għajn, tilfet il-kontroll u ħabtet f’arblu.
Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon jidher li ż-żewġ nisa kienu taħt l-effett tal-alkaħol u ftit minuti qabel seħħ l-aċċident fatali, kienu diġa waqgħu mal-art però minflok ċemplu għall-għajnuna komplew isuqu.
Irriżulta wkoll li Cristi Robles lanqas biss kienet liebsa crash helmet waqt li kienu qed isuqu.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti, fejn ambulanza ħadet lis-sewwieqa l-Isptar Mater Dei għall-kura filwaqt li Cristi sfortunatament, ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Aktar tard, is-sewwieqa ġiet iċċertifikata li qiegħda fil-periklu tal-mewt.
L-Ispettur Farncesco Mizzi qed imexxi l-istħarriġ tal-Pulizija, waqt li l-espert forensiku Mario Scerri, l-espert tat-traffiku Mario Buttigieg u l-perit Richard Aquilina tqabbdu bħala parti mill-inkjesta ordnata mill-Maġistrat Joe Mifsud.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.